Futbol Sport

Ikomplu jiżdiedu l-problemi għal Juventus

(Ritratt: EPA)

Ikomplu jiżdiedu l-problemi għal Juventus meta f’partita diretta kienu megħluba minn Atalanta bl-iskor ta’ 1-0 fejn b’hekk b’dan ir-riżultat, Juventus komplew jitbiegħdu mit-timijiet fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika u sofrew il-ħames telfa tal-istaġun fis-Serie A. Minn naħa l-oħra, din kienet rebħa storika għal Atalanta fl-Allianz Stadium. Il-gowl deċiżiv wasal kmieni fil-partita permezz ta’ Duvan Zapata.

Inter resqu biss punt taħt Napoli u Milan minkejja biż-żewġ timijiet jkunu mpenjati il-Ħadd meta għelbu lil Venezia 2-0. Inter fetħu l-iskor wara 34 minuta permezz ta’ Hakan Calhanoglu. Il-gowl li aċċerta mir-rebħa wasal lejn it-tmiem permezz ta’ penalty ta’ Lautaro Martinez.

Fiorentina sofrew telfa mhux mistennija meta kienu megħluba 2-1 minn Empoli. Kien is-solitu Dusa Vlahovic li fetaħ l-iskor għall-Viola wara 57 minuta. Ir-rimonta ta’ Empoli waslet fl-aħħar minuti tal-partita meta l-ewwel kien Filippo Bandinelli li ġab l-iskor indaqs fis-87 minuta biex mbagħad Andrea Pinamonti għamel l-iskor 2-1 żewġ minuti wara għal skor finali ta’ Empoli 2 Fiorentina 1.

SERIE A
Illum
: Sampdoria v Verona 3-1, Empoli v Fiorentina 2-1, Juventus v Atalanta 0-1, Venezia v Inter 0-2 Għada: Udinese v Genoa 12.30pm, Milan v Sassuolo 3.00pm, Spezia v Bologna 3.00pm, Roma v Torino 6.00pm, Napoli v Lazio 8.45pm