Lokali

Il-Ministru tal-bdiewa jgħid li t-toroq li se jgħaddi Ian Borg minn nofs l-għelieqi huma fl-immaġinazzjoni tal-ġurnalisti

It-toroq li Ian Borg irid jgħaddi minn nofs l-għelieqi tal-bdiewa fl-Imrieħel u f’Burmarrad fost l-oħrajn, skont il-Ministru tal-Agrikoltura huma biss fl-immaġinazzjoni tal-ġurnalisti.

Net News kien qed jistaqsi lill-Ministru tal-Agrikoltura Anton Refalo dwar dokument li kien għadu kif tnieda, li jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-biedja  f’pajjiżna. Dan id-dokument identifika n-nuqqas ta’ art agrikola u ċ-ċokon tal-għelieqi bħala waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw il-bdiewa tagħna.

Iżda mistoqsi allura għalfejn baqa’ ħalqu magħluq meta l-kollega tiegħu Ian Borg iddeċieda li jgħaddi romblu, litteralment, fuq l-art tal-bdiewa, Anton Refalo qal li hu dejjem ikkonsulta.

Jidher li l-Ministru jew ma jafx x’inhu jiġri f’pajjiżna jew inkella qed jagħżel li jinjora l-fatti magħrufa – jiġifier li l-kollega tiegħu qed jiġi jaqa’ u jqum mill-bdiewa.

Bosta kienu dawk li għandhom art agrikola li fl-aħħar xhur esprimew l-għadab tagħhom għall-attitudni tal-Gvern fil-konfront tagħhom.

U jekk il-bdiewa ma ħadux palju mal-Ministru tat-Toroq, jidher ċar li ma tantx għandhom ċans jieħduh mingħand il-Ministru li jirrappreżentahom.