Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel l-MUMN permezz ta’ stqarrija sostniet li taf tissokta b’aktar azzjonijiet industrijali fiċ-ċentri tas-saħħa sakemm il-Gvern ma jreġġax lura fi żmien 48 siegħa, l-ordni li jwaqqaf l-overtime għall-ħaddiema li fost l-irwoli li jwettqu huwa li jieħdu d-demm.
L-MUMN akkużat lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa, Joseph Rapa, li pprova jikkastiga intenzjonalment lill-flebotomisti u qalet li l-ordni kienet forma ta’ “piena illegali”.
L-MUMN qalet li wara din id-deċizjoni tistenna li Rapa jirriżenja, u sejħet din l-attitudni bħala “attitudni distruttiva” u “deċizzjoni traskurata”.
Din hija l-aħħar minn għadd ta’ tilwin bejn l-MUMN u l-Gvern dwar dwar il-kundizzjonijiet għall-flebotomisti. Infatti huma diġà qed isegwu direttivi li jillimitaw in-numru ta’ pazjenti li jaraw kuljum u jieqfu jindirizzaw il-listi ta’ stennija.
In-nuqqas tal-Gvern biex jindirizza din il-problema qed tkompli titfa’ aktar piż fuq is-settur tas-saħħa, bit-tobba u l-infermiera, qed ikunu sfurzati jwettqu dan ix-xogħol, filwaqt li f’waqtiet għadd ta’ persuni qed ikollhom l-appuntamenti tagħhom imħassra.
//= $special ?>