Futbol Sport

Rebħa komda għal Liverpool, Arsenal jegħlbu lil Newcastle

(Ritratt: EPA)

Liverpool telgħu momentarjament fit-tieni post tal-klassifika meta f’Anfield għelbu lil Southampton bl-iskor ta’ 4-0. Kien Diogo Jota li fetaħ l-iskor wara biss żewġ minuti, bl-istess player jirdoppja fit-32 minuta. Thiago Alcantara għamel l-iskor 3-0 fis-37 minuta. Fit-tieni taqsima, Liverpool komplew fejn ħallew u għamlu l-iskor 4-0 fit-52 minuta permezz ta’ Virgil Van Dik.

Arsenal irritornaw għar-rebħ meta fl-Emirates Stadium għelbu lil Newcastle United bl-iskor ta’ 2-0. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet mingħajr gowls, kien iz-zagħzugħ Bukayo Saka fis-56 minuta li kkonkluda fuq azzjoni li nvolviet 16-il pass. It-tim ta’ Mikel Arteta rdoppja fis-66 minuta meta kien is-sostitut Gabriel Martinelli li kkonkluda mal-ewwel fuq pass ta’ Takehiro Tomiyasu.

Aston Villa kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva taħt it-tmexxija tal-coach Steven Gerrard meta għelbu lil Crystal Palace 2-1. Wara biss kwarta logħob kien id-difensur Matt Target li għeleb lil Guaita b’konklużjoni bix-xellug. Aston Villa kellhom jistennew sas-86 minuta meta kien John McGinn li għamilhom 2-0. Lejn it-tmiem, Marc Guehi naqqas l-iskor għal Crystal Palace.

Norwich ukoll kisbu t-tieni riżultat pożittiv taħt it-tmexxija tal-coach il-ġdid tagħhom meta temmew fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Wolves f’partita li offriet ftit azzjonijiet perikolużi. Bl-istess riżultat intemmet ukoll il-partita bejn Brighton u Leeds United.

PREMIER LEAGUE
Illum
: Arsenal v Newcastle 2-0, Liverpool v Southampton 4-0, Norwich v Wolves 0-0, C’Palace v Aston Villa 1-2, Brighton v Leeds 0-0 Għada: Brentford v Everton 3.00pm, Man City v West Ham 3.00pm, Leicester v Watford 3.00pm, Burnley v Tottenham 3.00pm, Chelsea v Man Utd 5.30pm