Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri wasslu biex fi ftit
sigħat ġiet arrestata persuna li allegatament wettqet żewġ hold-ups bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħamis
illi għadda.
Ilbieraħ filgħodu, il-Pulizija rċeviet rapport li f’Ħal Qormi kien hemm persuna li x’aktarx kienet
għadha kemm sgassat vettura pparkjata u serqet xi affarijiet minnha. Minnufih marru l-pulizija u
fil-post arrestaw raġel ta’ 38 sena.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-istess persuna, fl-24 ta’ Novembru, allegatament
wettqet hold-up f’ħanut fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan (PR 811/21 maħruġa fil-25 ta’ Novembru,
2021) u l-għada, l-25 ta’ Novembru allegatament wettqet hold-up ieħor f’ħanut fi Triq it-Tin, Ħal
Qormi.
Is-serqa f’Ħal Qormi seħħet għal xi s-sebgħa u kwart ta’ filgħaxija (1915hrs) u minn stħarriġ li sar
irriżulta li ħalliel, armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab lill-kaxxier il-flus u wara ħarab minn fuq
il-post.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni
jitressaq il-Qorti llum f’xi l-ħdax u nofs ta’ filgħodu (1130hrs) quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr
Natasha Galea Sciberras.