Lokali Saħħa

Anke Clyde Caruana jikkonferma li Steward “ma laħqux il-livelli mistennija”

F’temp ta’ ġimgħa kellna l-ammissjoni tal-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dwar il-falliment tad-deal ta’ Steward Healthcare u l-bejgħ tat-tliet sptarijiet. Illum ingħaqad magħhom il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li saħaq li Steward mhux qed jilħqu l-livelli mistennija.

Fi kliem sempliċi, il-persuna li jmexxi l-Gvern, il-persuna li jmexxi s-settur tas-saħħa u l-persuna li jieħu ħsieb il-finanzi tal-pajjiż qed jaqblu li dan id-deal hu wieħed ħażin u li qed jisraqna. Iżda fl-istess ħin qed jibqgħu jaqblu li jħallsu l-miljuni mill-bwiet tal-familji Maltin u l-Għawdxin għal deal li minnu m’aħniex nieħdu dak li qed inħallsu għalih. Mhux talli hekk, talli, Abela, Fearne u Caruana, filwaqt li jafu li Steward mhux qed jonoraw il-kuntratt, għażlu li jżiedu n-nefqa għas-sena d-dieħla b’20 miljun ewro biex b’hekk, għal deal fallut, issa se nħallsu 70 miljun fis-sena.

Meta tkellem ma’ Times of Malta l-Ministru tal-Finanzi qal li għalkemm saru xi xogħlijiet fl-isptarijiet, kellu jsir aktar. Hu saħaq li “hemm evidenza ta’ xi xogħlijiet, iżda mhux dak li wieħed kien qed jistenna.” Caruana saħaq li ta’ Steward iridu jagħmlu l-investiment, jonoraw il-kuntratt u jiddeċiedu x’se jagħmlu.

Dan filwaqt li għandna Prim Ministru li jaf li hemm xi ħaġa ħażina fid-deal imma xorta għadu – minn flusna – jħallas miljuni lil Steward. Fl-istess waqt, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ilu sa minn Awwissu tal-2019 jaf li id-deal tal-isptarijiet huwa wieħed ħażin. Minkejja dan it-tahwid kollu tal-Labourt ghadhom qed jimpalaw il-miljuni lil Steward. Robert Abela u Chris Fearne ilhom jafu sa mill-2019 li qed ninsterqu, u ħallew id-deal tat-tliet sptarijiet ma’ Steward Healthcare fis-seħħ.

Il-Gvern Laburista ta l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u t’Għawdex lil Vitals Global Healthcare fl-2015, kumpanija li ma kelliex esperjenza fil-qasam tas-saħħa. Wara li l-Labour nefaq il-miljuni u ma sar xejn, għadda dan id-deal lil Steward Healthcare fl-2018. Suppost l-affarijiet kellhom jimxu għall-aħjar iżda minkeja li żidna fin-nefqa, l-investiment mill-barranin baqa’ qatt ma wasal. Biex il-borma tkompli titħawwad, fl-2019 ukoll, il-Gvern kien ivvinta deal ieħor ma’ Steward. Din id-darba.. klawsola. Klawsola li tgħid li jekk Steward jitilqu mill-ftehim, anke minn jheddhom, il-Gvern Malti jrid iħallas 100 miljun ewro.

Fl-aħħar ġimgħat, Bernard Grech flimkien ma’ Adrian Delia ressqu Protest Ġudizzjarju li jżomm responsabbli lill-Prim Ministru l-Membri kollha tal-Gvern talli qed jibqgħu ċassi quddiem din is-sitwazzjoni. Dan filwaqt li Adrian Delia ilu għal dawn l-aħħar snin b’kawża li għadha għaddejja fil-qrati biex dan id-deal jitwaqqaf minnufih.