Ambjent Lokali

BIL-FILMAT: L-ilma tax-xita qed jispiċċa kollu fl-għelieqi minħabba nuqqas ta’ pjanar

Aktar għelieqi u art li tinħadem komplew jispiċċaw vittma ta’ nuqqas ta’ pjanar minn Infrastructure Malta li jaqa’ taħt it-tmexxija tal-Ministru Ian Borg.

Il-maltemp li esperjenza pajjiżna fl-aħħar jiem kompla jikxef il-mod li bih saru ħafna mit-toroq li tant ftaħar bihom il-Gvern Laburista b’ħafna qed iqisu l-investiment ta’ miljuni li jgħid li għamel il-Labour fit-toroq bħala daħq fil-wiċċ.

L-aħħar minn sensiela ta’ toroq li kixfet in-nuqqas ta’ pjanar kienet Triq Sant’ Andrija fis-Swieqi hekk kif anke bil-ftit xita li għamlet matul il-ġurnata tal-lum, kien ikkawżat ħsara kbira fl-għelieqi tal-madwar.

Kif jixhdu dawn il-filmati li kiseb Net News, l-ilma kollu li qed jasal mit-toroq tal-madwar qed jispiċċa fl-għelieqi tan-nies. Ammont kbir ta’ ilma li mhux jgħaddi mill-culverts għaliex huma miżdudin.

Diversi residenti li tkellmu ma’ dan is-sit wrew frustrazzjoni għal dak li qed jaraw jiġri quddiem għajnejhom fi proġett li mhux biss qed jikkawża ħsarat waqt il-maltemp, imma proġett li qed isir mingħajr konsultazzjoni adegwata, u wieħed li jidher se joħloq konġestjoni għar-residenti tas-Swieqi.