Futbol Sport

Draw kumbattut bejn Chelsea u Man Utd fi Stamford Bridge

(Ritratt: EPA)

Chelsea, iċ-Champions tal-Ewropa u leaders tal-Premier Ingliż, spiċċaw fi dro, 1-1 ma’ Manchester United fl-aktar logħba mistennija fil-programmu u li żvolġiet f’waħda mill-aktar konfronti missielta u interessanti tal-istaġun.
Ir-Red Devils – li niżlu għall-impenn fi Stamford Bridge taħt it-tmexxija ta’ Michael Carrick wara t-tkeċċija tal-eks manager Ole Gunnar Solskjaer – adottaw pjan prudenti fl-ewwel 45 minuta fejn għalqu l-ispazji għal Chelsea li kellhom ħafna aktar mill-attakki. Madankollu, it-tieni taqsima rat lil United aktar aggressivi fejn bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji filwaqt li jtellgħu sensiela ta’ kontra-attakki perikolużi.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Chelsea mill-ġdid ippruvaw jippenetraw id-difiża kompatta ta’ United iżda kienu r-Red Devils li marru fil-vantaġġ meta l-midfielder ta’ Chelsea Jorginho litteralment irregala l-ballun lil Jadon Sancho (50) li avvanza waħdu u, b’finta, għeleb lill-gowlkiper Mendy għall-1-0. Iżda Chelsea baqgħu jemmnu u fis-70 minuta, Aaron Wan Bissaka ikkommetta fawl fil-kaxxa fuq Thiago Silva– bir-referi Anthony Taylor jipponta lejn il-11-il metru. Inkariga ruħu mill-penalty JORGINHO li xeħet il-ballun fix-xibka – u l-gowlkiper David de Gea in-naħa l-oħra — biex patta għall-iżball preċedenti.

Iż-żewġ tims minn dak il-ħin ħarġu jfittxu l-gowl deċiżiv iżda r-riżultat ma nbidilx sat-tisfira finali – b’Chelsea għadhom qed igawdu vantaġġ ta’ punt fuq Man City f’ras il-klassifika u b’Man United jibqgħu it-tmienja fil-Premier Ingliż.

Manchester City għelbu lil West Ham United, 2-1, fl-Etihad Stadium, bil-logħba tkun iddominata mill-kundizzjonijiet xitwin għal ħafna ħinijiet. Intant, din ir-rebħa importanti ippermettiet biex is-Citizens jaqbżu lil Liverpool fit-tieni post tal-Premier Ingliż, b’29 punt minn tlettax-il logħba.

L-ewwel gowl ta’ dan il-konfront missielet wasal fit-33 minuta meta Ilkay GUNDOGAN xeħet ġewwa fuq il-kross ta’ Riyad Mahrez – iżda City kellhom jistennew sazd-90 minuta biex jaċċertaw mill-punti grazzi għal FERNANDINHO li ma żbaljax minn quddiem Fabiansky.

Madankollu – fil-ħin miżjud – kien fadal iċ-ċans biex Manuel LANZINI inaqqas id-distakk għal West Ham b’xutt spettakolari li ħabat mal-lasta, bil-gowlkiper Ederson megħlub għal kollox. Minkejja t-telfa, il-Hammers – bla dubju fost ir-rivelazzjonijiet tal-istaġun — baqgħu jokkupaw xorta r-raba’ post fil-klassifika.

Il-logħba fil-King Power Stadium bejn Leicester City u Watford ipproduċiet sitt gowls u rebħa ta’ 4-2 għall-Foxes ta’ Brendan Rodgers. Intant, Jamie Vardy kien l-eroj indiskutibbli għal Leicester b’żewġ gowls, it-tnejn skurjati fl-ewwel taqsima.

Il-logħba mmarkat ukoll ir-ritorn ta’ Claudio Ranieri – il-manager ta’ Watford – f’dan is-stadium mindu hu kien rebaħ l-ogħla kampjonat Ingliż waqt li fit-tmun tal-istess Leicester City, fl-istaġun 2015-16. Intant, il-Foxes kisbu l-ewwel gowl tal-logħba minn James MADDISON (16) li għeleb lil Daniel Bachmann b’xutt fil-baxx — u b’Watford, imbagħad jagħmluhom 1-1 mill- penalty ta’ Joshua KING (30) wara l-fawl fil-kaxxa ta’ Ndidi fuq Emmanuel Dennis,

Leicester irritornaw fil-vantaġġ erba’ minuti wara meta VARDY xeħet ġewwa bir-ras mill-korner ta’ Maddison, bl-istess attakkant jiskorja t-tieni gowl personali ( u t-tielet għal Leicester) eżatt qabel il-mistrieħ.

It-tieni taqsima rat rimonta minn Watford b’DENNIS inaqqas id-distakk għal 3-2 fil-61 minuta iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Leicester, b’Ademola LOOKMAN jiskorja tap-in faċli wara xogħol tajjeb minn Harvey Barnes.

Brentford irritornaw għar-rebħ fil-Premier League wara ħames logħbiet – b’gowl uniku jikkundanna lil Everton li wkoll għaddejjin minn sekwenza ferm negattiva, tant li huma ilhom mingħajr rebħa (fil-league) għal seba’ logħbiet.
Il-gowl li ddeċieda l-logħba fil-Brentford Community Stadium wasal minn penalty ta’ Ivan TONEY (24) wara li d-daħla kerha ta’ Townsend fuq Frank Onyeka kienet ikkonfermata bl-iskrutinju tal-VAR. Fil-fatt, Brentford setgħu rduppjaw wara azzjoni tajba li rat lil Vitaly Janelt javvanza fuq il-lasta qabel Abdoulaye Doucoure salva s-sitwazzjoni b’intervent f’waqtu.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Arsenal v Newcastle 2-0, Liverpool v Southampton 4-0, Norwich v Wolves 0-0, C’Palace v Aston Villa 1-2
Brighton v Leeds 0-0 Illum: Brentford v Everton 1-0, Man City v West Ham 2-1, Leicester v Watford 4-2, Burnley v Tottenham Posp., Chelsea v Man Utd 1-1