Futbol Sport

Hibernians jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti f’ras il-klassifika b’rebħa fuq Balzan

HIBERNIANS ………………… 2

BALZAN ………………………… 1

Hibernians: I.Kone, F.Apap, M.Ellul (Z.Grech 73′), J.Grech, J.Degabriele, B.Kristensen, D.Vella, Thaylor (E.Beu 63′), A.Agius, G.Artiles, W.Domoraud

Balzan: J.Galea, A.Loof, M.Duric (P.Mota 82′), A.De Paixao (B.Kaljevic 69′), U.Ljubomirac,M.Zlatkovic, G.Camilleri, M.Mijic, A.Andrejic, S.Cipriott

Referee: G.Tonna

Assistenti Referee: D.Sultana, C.Francalanza

Fl-Istadium Nazzjonali Hibernians kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 fuq Balzan biex b’hekk fetħu vantaġġ ta’ ħames punti f’ras il-klassifika. Għal Balzan din kienet l-ewwel telfa taħt it-tmexxija tal-coach Paul Zammit wara serje ta’ rebħiet.

Balzan ħarġu fuq l-offensiva u fil-11-il minuta waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, meta x-xutt ta’ Paul Fenech kien salvat tajjeb mill-goalkeeper Ibrahim Kone. Minuta wara, Balzan għal darb’oħra viċin il-gowl meta minn corner kien Alex De Paixao li ra l-konklużjoni tiegħu maqlugħa minn fuq il-linja mid-difensur ta’ Hibernians Andrei Agius, fost protesti mill-plejers ta’ Balzan hekk kif il-ballun deher li qabbeż il-linja tal-gowl.

Madanakollu kienu Hibernians li marru fil-vantaġġ fil-31 minuta meta cross ta’ Gabi Izaquier, kien Wilfred Domoraud li b’konklużjoni fil-baxx għeleb lill-goalkeeper Jake Galea għal 1-0. Minkejja dan Balzan kisbu l-gowl tad-draw fis-37 minuta meta minn cross fil-baxxa ta’ Uros Ljubomirac, daħal tajjeb Paul Fenech li b’xutt preċiż għeleb lil Ibrahim Kone għal 1-1.

Il-gowl li ta r-rebħa lil Hibernians wasal fis-47 minuta meta minn cross ta’ Thaylor Adama, kien l-aqwa skorer tal-Kampjonat, Jake Grech li b’volley mill-aqwa għeleb lil Jake Grech u ta rebħa importanti għat-tim ta’ Hibernians.