Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri għandu jispjega u jerfa’ responsabilità politika – PN

L-istorja ppublikata minn The Sunday Times illum, u l-kummenti ta’ Peppi Azzopardi dalgħodu jitolbu illi  b’mod immedjat il-Ministru Byron Camilleri jispjega u jerfa’ responsabilita politika għal dak li seħħ u għadu jseħħ fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin sa llum.

Dalgħodu ġie żvelat kif ‘scanner’ li jemitti radjazzjoni ġewwa l-Facilita’ ġiet imbagħbsa u mmanipulata mill-Awtoritajiet tal-Ħabs bil-konsegwenza li diversi detenuti, il-familji tagħhom u avukati setgħu ġew esposti għal livell għoli ta’ radjazzjoni meta kien magħruf li tali radjazzjoni kienet ta’ detriment kbir għas-saħħa tagħhom.

Byron Camilleri jrid immedjatament jispjega jekk, u meta sar jaf, b’dan l-abbuż kriminali li kien qed iseħħ ġewwa l-Faċilita’. Byron Camilleri irid iwieġeb għaliex minkejja l-istejjer xokkanti waħda wara l-oħra, inkluż il-mewt ta’ 14-il persuna fil-ħabs, għadu sa issa jiddefendi l-ħażin kollu li seħħ taħt għajnejħ u li sar bil-barka tiegħu. Is-sistema tad-detenzjoni u riforma kkrolla taħt għajnejn l-istess Ministru bil-konsegwenza illi t-tajjeb kollu li sar tul iż-żmien, illum spiċċa fix-xejn. Sa llum għadu lanqas keċċa lill-ex direttur tal-ħabs Alex Dalli li minflok issospenda lilu nnifsu.

Għal dan kollu trid tintrefa’ responsabilita’ politika u l-Ministru Byron Camilleri għandu jew jirriżenja jew jitkeċċa mill-Prim Ministru Robert Abela għaliex issa huwa dejjem aktar evidenti li Byron Camilleri huwa totalment inkompetenti waqt li għażel li jagħlaq għajnejħ quddiem tant abbuz.

Huma l-ftit li bil-barka tal-istess Ministru ħolqu dan il-kollass u l-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjeta’ mal-uffiċċjali onesti u ħabrieka tal-ħabs li minkejja t-theddid u l-biża li jippruvaw inisslu fihom, għadhom jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni.