Internazzjonali

Il-varjant ‘Omicron’ tal-Covid: Tlettax il-passiġġier jittestjaw pożittiv wara titjira mill-Afrika t’Isfel lejn l-Olanda

Il-varjant ġdid ‘Afrikan’ tal-Covid-19 – magħruf uffiċjalment bħala Omicron – jidher li qed irabbi l-għeruq fl-Ewropa . Dan fost rapporti mill-Olanda li 13-il passiġġier ta’ żewġ titjiriet mill-Afrika t’Isfel instabu pożittivi għall-varjant mal-wasla tagħhom f’Amsterdam.

Dawn huma fost 61 passiġġier li testjaw pożittivi għall-coronavirus – bl-Olanda qed iddaħħal dejjem aktar restrizzjonijiet fost splużjoni ta’ infezzjonijiet bil-varjanti aktar familjari tal-Covid u t-tħassib kbir dwar il-varjant ġdid.

It-titjiriet tal-linja tal-ajru Olandiża KLM, kienu telqu minn Johannesburg, bl-ajruplani jaslu l-Olanda nhar il-Ġimgħa.

Il-passiġġieri li testjaw pożittiv għall-Covid-19 qed jinżammu fi kwarantina f’lukanda viċin l-ajruport ta’ Schiphol f’Amsterdam. Dawk li testjaw negattiv kienu mitluba li jiżolaw ruħhom id-dar għal ħamest ijiem u jieħdu aktar testjiet – bil-passiġġieri li riedu jivvjaġġaw ‘il hinn mill-Olanda jingħataw permess biex ikomplu bil-vjaġġi.

Sadanittant, l-awtoritajiet tas-saħħa Olandiżi qed jesiġu għall-għeluq kmieni tar-ristoranti u l-avvenimenti pubbliċi. Huma anki ffissaw limiti għall-ammonti tan-nies li jistgħu jinġabru fid-djar privati.

Sadanittant, pajjiżi Ewropej oħrajn, fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Italja, ukoll sabu każi tal-varjant ġdid fl-arijiet tagħhom. Dan meta ħafna pajjiżi madwar id-dinja qed jipprojbixxu jew jillimitaw it-titjiriet lejn l-Afrika t’Isfel u lura – bil-miżuri qed jaffettwaw ukoll lill-Istati Afrikani ġirien.

Miżuri oħra fid-dawl tal-pandemija….

Il-Gvern Britanniku qed jesiġi biex in-nies jilbsu bilfors il-maskri ladarba jidħlu fil-ħwienet jew jużaw it-trasport pubbliku fl-Ingilterra. Intant, in-nies li jaslu fir-Renju Unit minn barra mistennija jkunu suġġetti għat-testijiet tal-PCR minn għada bħala reazzjoni għall-varjant ġdid ‘Omicron’.

Il-Ministeru tas-Saħħa Britanniku qal li l-miżuri għandhom jgħinu jaċċertaw li n-nies ‘ikunu jistgħu jgawdu l-btajjel tal-Milied ma’ familthom’.

Is-sorsi f’Londra qalu li l-Gvern ħa ‘il-miżuri għaqlin’ fiċ-ċirkustanzi. Intant, il-Gvern ma ħariġx direttivi biex in-nies jaħdmu mid-dar b’kaġun tal-pandemija u lanqas mhuma se jkunu estiżi l-vaccine passports fl-Ingilterra. Dawn il-passaporti huma parti minn pjan ta’ riserva – u ta’ kontinġenza —  għax-xitwa f’każ li jinħtieġ ‘intervent bil-għan li ma jaqax piż impossibbli’ fuq is-Servizzi tas-Saħħa Nazzjonali (NHS).

Intant, Iżrael se jipprojbixxi lill-barranin milli jidħlu fil-pajjiż għal 14-il jum. Dan ukoll meta l-awtoritajiet Iżraeljani se jużaw mezzi ta’ sorveljanza biex iwaqqfu l-firxa tal-varjant ġdid tal-Covid. Il-projbizzjoni kienet mistennija tidħol fis-seħħ minn kmieni dalgħodu wara li kien approvat mill-membri kollha tal-Kabinett Iżraeljan.

S’issa, Iżrael ikkonferma każ wieħed tal-varjant ‘Omicron’ f’pajjiżu – bil-Kabinett Iżraeljan anki jawtorizza lill-aġenzija tas-sigurtà Shin Bet biex tissorvelja lill- pazjenti lokali kollha konfermati bħala infettati bil-coronavirus.