Lokali

In-narrattiva tal-Labour fil-konfront tal-familja Caruana Galizia tibqa’ l-istess

Matthew Caruana Galizia m’għandux għalxiex jitkellem għax kien hu li ħalla l-karozza barra.

Hekk sostna l-esponent Laburista u eks Sindku tal-Fgura Anthony Degiovanni waqt programm preżentat minn Andrew Azzopardi.

F’diskussjoni mal-ġurnalist Dione Borg, Degiovanni ħasad lil dawk preżenti kif ukoll lis-semmiegħa billi tenna n-narrattiva mbuttata minn esponenti tal-Partit tal-Labour lura fl-2017 wara li seħħ il-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Bosta kienu xxokkjati b’dak li semgħu meta ntebħu li esponenti tal-partit immexxi minn Robert Abela għadhom jiprovaw ibellgħu n-narrattiva li iben Daphne kellu b’xi mod indirett x’jaqsam mal-qtil ta’ ommu. Tant li diversi persuni kitbu dwar l-insensittività li wera Degiovanni … meta indubjament Matthew Caruana Galizia għadda minn trawma liema bħala.

Oħrajn saħqu li s-sitwazzjoni hija waħda tal-biki, b’uħud jistaqsu minn meta l-fatt li persuna tipparkja vettura barra sar żball?

L-aġir u d-diskors tal-eks Sindku Laburista kien ikkundannat bla ebda riservi, u bosta persuni insistew li meta tkun mingħalik li l-mentalità bdiet tinbidel…tirrealizza li kollox għadu l-istess.