Kultura Lokali

Inawgurazzjoni ta’ numru ta’ statwi fil-binja ta’ Radju Marija

“Ħloqt din l-istatwa fejn għandek lil San Ġużepp, b’wiċċ b’sinifikat tat-tjubija u kif ukoll Ġesù Bambin illi din id-darba qed narawh b’differenza qed jaqbdu idejn xulxin, u għandek is-simbolu tas-safa, tal-ġilju, li t-tnejn li huma qed iżommuh flimkien.”

Dan huwa dak li qal l-artist Indrì Attard ma’ Net News hekk kif fl-għeluq tas-sena Ġużeppina, Radju Marija ħadu l-inizjattiva biex iqabbdu lil dan l-artist biex jagħmel statwa ta’ San Ġużepp fil-binja ta’ dan l-istazzjon tar-radju u kif ukoll li f’kappella moderna li tinsab fil-binja ta’ dan l-istazzjon għażlu li jkun hemm kurċifiss kemxejn differenti minn dak li ssoltu naraw fil-kappelli u l-knejjes tagħna.

“Fil-kappella xtaqu li jneħħu s-salib, iżda l-kurċifiss jibqa’ hemm u għalhekk ħdimt fuq kurċifiss diffenti bix-xbiha ta’ Ġesù ‘in aria'”

Mistoqsi dwar kemm dam jaħdem fuq dawn il-proġetti, Indrì Attard qalilna hekk:

Jeħdulek il-ħin, ma nafx nikkalkula għax inkun qed naqbad ħafna affarjiet flimkien, imma imbagħad irid ikun hemm dik id-dedikazzjoni, il-muża, li tqum filgħodu u tgħid kemm nixtieq naħdem fuq il-wiċċ eżempju ma nkunx nixtieq nintrabat, minkejja li jkollok iż-żmien jiġri warajk int trid taħdem biex tibqa’ artist u ma ssirx artist kummerċjali

Indrì Attard ħadem ukoll fuq statwa ċkejkna ta’ San Mikiel li tinsab fl-entratura ta’ din l-istess binja. Intant qabel l-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ dawn l-istatwi, saret quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna li saret fil-kunvent tal-Ursolini fir-Rabat fejn hemm l-iskola ta’ Santa Angela.