Internazzjonali

It-Tajwan: Ajruplani taċ-Ċina ‘imkeċċija’ mill-ispazju tal-ajru

Il-qawwiet tal-ajru Tajwaniżi, mill-ġdid, kellhom jiddefendu l-ispazju tal-ajru tagħhom – fost rapporti li huma ‘wissew’ 24 ajruplan taċ-Ċina biex jibqgħu ‘il barra miz-zona tagħhom.

Dan ħareġ minn rapport speċifiku tal-Ministeru tad-Difiża Tajwaniż meta t-Tajwan u ċ-Ċina jinsabu fl-akbar kriżi tul l-aħħar 50 sena — bl-esperti mhumiex jeskludu invażjoni  futura tat-Tajwan mill-Armata Ċiniża komunista.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President taċ-Ċina Xi Jinping kien qed jiltaqa’ mal-Ġenerali ewlenin tal-Armata; bl-ajruplani militari taċ-Ċina qed ikomplu bis-sensiela ta’ ‘provokazzjonijiet’ lit-Tajwan.

Il-Gvern Tajwaniż ilu aktar minn sena jilmenta dwar l-inkursjonijet tal-qawwiet tal-ajru Ċiniżi viċin l-art tat-Tajwan – pajjiż indipendenti li ċ-Ċina trid tieħu lura bħala ‘provinċja ribelluża’.

Intant, it-Tajwan jirreferi għall-attivitajiet militari taċ-Ċina qrib ta’ xtutha bħala ‘eżerċizzji ta’ gwerra’ intiżi biex itellfu u jostakolaw lill-qawwiet tal-ajru Tajwaniżi li qed ikollhom iwieġbu għad-diversi inkursjonijiet mill-ajruplani ta’Beijing.

L-aġir taċ-Ċina jidher li rranka mill-bidu ta’ Ottubru ‘il hawn meta dan il-pajjiż iċċelebra l-jum nazzjonali tiegħu. Intant, l-aħħar ‘provokazzjoni’ miċ-Ċina kienet tinkludi 18-il fighter jet u ħames bombers bil-kapaċità li jġorru l-armi nukleari.