Il-ministri Clint Camilleri, Anton Refalo u Justyne Caruana qed iwiegħdu irmiġġ fil-yacht marina tal-Imġarr lil dawk kollha li qed javviċinawhom għaliex jixtiequ li jibdew jirmiġġaw l-opra tal-baħar tagħhom hemmhekk.
Iżda l-irmiġġi ġodda huma ta’ 75 posta biss, iżda sa issa l-lista għalihom diġà telgħet għal 350 talba! Il-Ministru Clint Camilleri jidher li ma jridx jagħti dawn l-irmiġġi qabel l-elezzjoni ġenerali biex ma jkunx qeda lil numru ta’ persuni, iżda ġġieled ma’ ħafna aktar li se jkollhom jibqgħu b’xiber imnieħer.
Għalhekk mal-pontoon ma’ twaħħlux il-ħoloq li hemm bżonn biex magħhom jintrabtu l-opri tal-baħar. Lid-dilettanti qalulhom li dawn il-ħoloq għadhom ġejjin minn barra. Dan meta dawn il-ħoloq faċilment setgħu nħadmu u kienu ordanti f’Għawdex stess u f’jum xogħol kienu jkunu lesti.
Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw magħna li iżda, dwar dawn ir-rmiġġi ġodda fil-yacht marina tal-Imġarr f’Għawdex qed isiru għadd ta’ ħniżrijiet oħrajn, fosthom għaliex it-tliet ministri fil-ġirja sfrenata tagħhom għall-voti qed jibagħtu lin-nies biex jirreġistraw id-dgħajjes tagħhom minn MFS (sports) li ma jikkwalifikawx għall-irmiġġ biex minflok jirreġistraw id-dgħajjes tagħhom MFC (speċi sajjieda dilettanti u dawn suppost li jikkwalifikaw). Issa anke minn qatt ma kellu dgħajsa, u llum akkwista waħda, qed jippretendi li jingħata rmiġġ.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument żiedu jgħidu li issa qed jiġri wkoll li min diġà okkupa post mingħajr ma hu fiss tal-post, mhux qed jazzarda joħrog fuq il-baħar, għax jibża’ li meta jiġi lura jsib postu meħud minn ħaddieħor!
Is-sors ta’ Il-Mument semma’ wkoll każ ta’ bennej li llum għandu lanċa u spiċċa biex ingħata rmiġġ
temporanju avolja qatt ma kellu dgħajjes qabel!