Lokali

John Rizzo jgħid li fi żmien Gvern Nazzjonalista qatt ma ndaħlulu f’xogħolu

L-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kkonferma li qatt ħadd ma ċempillu minn xi Ministeru – meta kien fit-tmexxija tal-Korp fi żmien Gvern Nazzjonalista – biex jinfluwenzaw il-ħidma investigattiva tiegħu jew ta’ xi membru ieħor.

F’intervista matul il-programm Polis, fuq NET Television, saret referenza għall-akkużi li l-ħidma tal-Pulizija tkun influwenzata minn xi politiċi. Iżda Rizzo ddikjara li fi żmienu – qabel l-2013 – dan ma kienx isir, minkejja li l-Kummissarju kien jintagħżel mill-politiku.

John Rizzo spjega li wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013, hu talab laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat għax beda jinnota li ħafna ismijiet ta’ persuni kienu qed jissemmew li se jieħdulu postu u għalhekk, beda jitlef mill-kontroll li kellu fil-Korp.

Min-naħa l-oħra, spjega, hu xtaq li jibqa’ jmexxi lill-Pulizija għax dawn kienu qishom parti mill-familja tiegħu.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija spjega l-passi ‘l quddiem li għamel il-Korp taħt it-tmexxija tiegħu. Fost l-oħrajn, hu nnota kif l-idea tal-unions għall-Pulizija kienet diġà fil-proċess li ssir realtà. Madankollu, hu qal li wieħed irid jara x’tip ta’ azzjonijiet ikunu permessibbli li jieħdu.

John Rizzo spjega li taħt it-tmexxija tiegħu, kien jinżamm il-bilanċ meħtieġ bejn is-seniority u l-mertu, meta kienu jingħataw il-promozzjonijiet.

Mistoqsi minn George Vital Zammit dwar il-mod kif il-Korp tal-Pulizija kien jitmexxa fi żmien il-Gvern Laburista tas-snin 80, hu ammetta li fis-snin ta’ wara kienu jgħaddulu ħafna ħsibijiet dwar proċeduri ħżiena, fosthom fil-frame-up fuq Pietru Pawl Busuttil.

Matul l-intervista, John Rizzo spjega kif is-snin li dam fil-Korp tal-Pulizija mhux dejjem kienu ward u żahar għalih u għal dawk qrib tiegħu. Dan hekk kif hu kkonferma li spiċċa diversi drabi fil-mira ta’ theddid, filwaqt li saħansitra kienu sparaw fuq il-bieb tad-dar tal-ġenituri tiegħu u anke kienu jpoġġuli pakketti suspettużi wara l-bieb ta’ daru.