Internazzjonali

Kriżi umana li teħtieġ tkun solvuta bl-għajnuna ta’ Franza

Ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u Franza għadhom fi stat ħażin fost il-kriżi tal-immigranti li qegħdin jaqsmu kontinwament mill-Kanal Ingliż – u mill-kosta Franċiża – bit-tama li jsibu ħajja aħjar fl-Ingilterra.

Dan meta l-awtoritajiet Britanniċi qegħdin jinsistu biex l-awtoritajiet Franċiżi “jagħmlu l-parti tagħhom’ wara li Londra ħallset l-għexieren ta’ miljuni lill-istess Franċiżi biex irażżnu l-vjaġġi permezz ta’ miżuri effettivi.

Intant, il-Ministru tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid, enfasizza li r-Renju Unit jeħtieġ bilfors il-kooperazzjoni u l-għajnuna ta’ Franza għall-kontroll ta’ ‘dawn il-vjaġġi illegali. Hu anki ddefenda l-ittra li l-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson kien bagħat lill-President Franċiż Emmanuel Macron ftit tal-jiem ilu, ittra li qanqlet reazzjoni rabjuża mingħand Macron li fost oħrajn tenna li ‘Johnson mhux qed juri serjetà fil-kwistjoni’.

Fl-ittra tiegħu, Boris Johnson fassal ‘ħames passi’ għal pajjiżu u Franza biex l-immigranti ma jkomplux jaqsmu l-fliegu. Intant, it-tensjoni bejn Londra u Pariġi rrankat sew wara li, jiem ilu, tilfu ħajjithom 27 immigrant waqt vjaġġ tipiku mill-Kanal Ingliż.

Il-Ministru Javid tenna li dawn il-vjaġġi traġiċi jridu jieqfu mill-aktar fis waqt li esprima tama li ‘il-Franċiżi jaħdmu id f’id mal-Britanniċi bil-għan li dan iseħħ għaliex il-Britanniċi ma jistgħux jilħqu t-tragwardi waħedhom.’

Javid, fl-istess ħin, enfasizza li ‘Boris Johnson kellu raġun biex ibigħ’ b’referenza għall-ittra tal-Prim Ministru li identifikat l-oqsma fejn kapaċi ssir kooperazzjoni ferm akbar bejn ir-Renju Unit u Franza.

Sadanittant, il-Gvern Franċiż ma żammx lura milli jwieġeb b’mod urtat u, f’pass sinifikanti, irtira l-invit lil Priti Patel, il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, biex tattendi laqgħa li saret fl-aħħar sigħat għal diversi pajjiżi (inkluża Franza) affettwati minn din il-kriżi umana.

Bħala konsegwenza, ir-relazzjonijiet tar-Renju Unit ma’ Franza jinsabu fl-aktar livell baxx għal snin u wara li l-pajjiżi kienu diġà għaddejjin minn diżgwid profond dwar ir-regoli kummerċjali ta’ wara Brexit ( it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea) u d-drittijiet tas-sajd għas-sajjieda Franċiżi fl-ibħra tar-Renju Unit.