X’inhi l-fehma tal-Kummissarju għat-Tfal, taċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dwar il-pożizzoni għal dak li qed jipproponi l-gvern dwar il-kannabis?
Ministri fil-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela u anki Eks Ministri llum Deputati Laburisti, għandhom diffikultà fil-kuxjenza tagħhom dwar kif se jkunu qed jivvutaw meta l-vot dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kannabis jitressaq għall-approvazzjoni fil-Parlament wara li jkun għadda mill-Istadju ta’ Kumitat.
Fil-magħluq, fosthom anki fil-binja tal-Parlament, Membri Parlamentari Laburisti nstemgħu u kienu osservati jitkellmu bejniethom dwar id-diffikultà li għandhom biex jivvutaw favur il-leġiżlazzjoni tal-kannabis. Konxji mill-fatt li l-kannabis irrovinat ħafna familji u kissret ħafna żgħażagħ, dawn il-Membri Parlamentari Laburisti qalu lil xulxin li fuq din il-materja huma għandhom problema ta’ kuxjenza.
Kien hemm min staqsa kif kien se jwieġeb waqt iż-żjarat fid-djar issa li qed iduru lill-familji fid-djar tagħhom invista tal-elezzjoni ġenerali. “Kif se toħroġ minnha jekk jistaqsuk direttament? Tgħidilhom li int kontra u mbagħad toħroġ ta’ giddieb għaliex tkun ivvutajt favur fil-Parlament? Tgħidilhom li int favur u mbagħad jaqbduha fuq il-ħsara li tagħmel id-droga fost it-tfal u forsi huma jkunu mġarrba direttament?”
Dan kien il-kliem u dawn kienu l-argumenti li Deputat Laburista Anzjan dil-ġimgħa nstema’ jgħid fil-binja tal-Parlament. Il-messaġġ tiegħu lill-kollega tiegħu kien li kemm ilu fil-Parlament, snin twal, qatt ma ħass dan il-kunflitt fil-kuxjenza u għalhekk se jipprova jara x’jagħmel biex dakinhar tal-vot fil-Parlament, hu ma jkunx preżenti. “Se nara kif neħles minnha… sew safra jew inkun indispost!”
Jirriħulta li mhumiex waħdiet il-Membri fil-Grupp Parlamentari Laburista li qed jissemmew li huma kontra dan l-Abbozz ta’ Liġi li se jintroduċi l-kannabis fis-soċjetà Maltija. Il-Mument għandu f’idejh l-ismijiet ta’ mill-inqas sitt Membri Parlamentari Laburisti li fil-magħluq stqarrew li quddiem dan l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kannabis huma għandhom kriżi ta’ kuxjenza għaliex huma wkoll għandhom it-tfal u n-neputijiet, u jafu tajjeb li d-droga ma tagħmel ġid lil ħadd, la fuq livell ta’ saħħa u serħan il-moħħ fil-familji, u wisq inqas fuq livell ta’ finanzi fejn bosta għotru u fallew.
Tlieta minn dawn huma membri fil-Kabinett tal-Ministri, ieħor hu Segretarju Parlamentari u t-tnejn l-oħra Deputati Laburisti Anzjani li barra li ma jaqblux ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, huma wkoll urtati għall-mod kif Robert Abela ċekkinlhom ir-rwol tagħhom fi ħdan il-Grupp Parlamentari Labuista u llum huma biss backbenchers.
Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument staqsew għaliex fil-Paralament dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi favur il-kannabis f’isem il-Gvern ma tkellmux ukoll membri bħall-Ministru Michael Falzon li hu responsabbli mit-tfal u l-ġid tagħhom. X’wassal biex Michael Falzon ma kienx fost il-Kelliema Laburisti dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi? Forsi ma riedx jaħraq lilu nnifsu? Forsi ma jaqbilx ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi? Forsi tant hu skomdu dwar l-introduzzjoni tal-kannabis li mbagħad żvoga fid-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Abbuż tal-Minorenni fejn qagħad jiftaħar kemm għamel il-Gvern b’risq it-tfal!
L-istess diskors u mistoqsijiet jgħoddu wkoll għad-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne li għalkemm pubblikament qal li hu jaqbel ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi favur il-kannabis, jaf tajjeb il-pressjonijiet li jsirulu minn tant għaqdiet mhux governattivi fir-rigward tal-kura ta’ persuni bi problemi tad-droga. Fuq quddiem fost dawn l-għaqdiet hemm il-Caritas Malta, Sedqa, l-OASI u l-Fondazzjoni Richmond li kontinwament jitkellmu miegħu dwar kemm hi kbira l-problema tad-droga fil-gżejjer Maltin.
Kollox jindika li d-Deputat Mexxej Laburista kien biss kostrett li fil-pubbliku jgħid li hu favur l-introduzzjoni tal-Kannabis sal-punt li anqas kellu s-saħħa u r-rieda li jipparteċipa fid-diskussjoni li saret fit-Tieni Qari fil-Parlament dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Chris Fearne segwa dak li għamlu l-kollegi tobba u fil-professjoni tal-mediċina fil-Grupp Parlamentari fejn tajjeb li jkun osservat li fid-diskussjoni li saret fil-Parlament dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, ma pparteċipa l-ebda Tabib jew Mediku Laburista biex forsi jispjega x’ġid jew x’benefiċċji jara f’dan l-Abbozz ta’ Liġi li l-iskop tiegħu hu li jiddaħħal b’ħafna għaġġla issa qabel l-elezzjoni ġenerali.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li internament fil-Partit Laburista dan l-Abbozz ta’ Liġi favur il-kannabis ġab diversi firdiet bla bżonn. “Diġà għandna firdiet bejnietna dwar kif Robert Abela ma ħax passi fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar, Zammit Lewis u oħrajn, u dwar kif Robert Abela ma waqafx lil Ian Borg dwar il-yacht marina ta’ Wied il-Għajn, fost l-oħrajn – u issa ħafna għaġġla biex dan l-Abbozz Liġi jfittex ikun approvat mill-istadji kollha tal-Kamra!”
Is-sorsi ta’ Il-Mument osservaw li tant il-qasma interna fil-gvern dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi favur il-kannabis hi kbira li istituzzjonijiet bħall-Kummissarju għat-Tfal, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u s-Supretendenza għas-Saħħa Pubblika ma tħallew ilissnu l-ebda reazzjoni, kumment jew pożizzjoni dwar l-introduzzjoni tal-kannabis.
Dan tqajjem ukoll fil-Parlament mid-Deputat u Whip Nazzjonalista Robert Cutajar jistaqsi lill-uffiċjali tal-Gvern, bħalma huma l-Kummissarju għat-Tfal u Alfred Grixti, Chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, biex jesprisimu l-fehma tagħhom dwar il-pożizzoni għal dak li qed jipproponi l-gvern dwar il-kannabis.
Ħafna huma tal-fehma li Pauline Miceli, bħala l-Kummissarju għat-Tfal, għandha tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi għax b’dan is-skiet tagħha, wieħed jistaqsi jekk hix qed turi li ma taqbilx ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Il-Professur Andrew Azzopardi din il-ġimgħa wkoll fuq Net Live qal meta kien qed ikun intervistat minn Robert Cremona, li jixtieq jisma’ wkoll l-opinjoni tas-Supretendent tas-Saħħa l-Professur Charmaine Gauci, li wieħed isellem ix-xogħol u d-dedikazzjoni kbira li wriet tul il-pandemija fil-ġlieda kontra l-Covid-19, dwar dak li jrid jilleġiżla l-Gvern dwar il-kannabis.
Tajjeb niftakru li meta aktar kmieni din is-sena l-Gvern kien ħareġ il-White Paper dwar l-introduzzjoni tal-kannabis, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal kien qal li jemmen li l-kultivazzjoni u l-użu tal-kannabis għandhom jibqgħu illegali għal minuri u adulti żgħar ħafna.
Il-Kummissarju għat-Tfal kienet uriet it-tħassib tagħha li dik il-White Paper ma kenitx tħaris lit-tfal biżżejjed mill-perikli tal-kannabis. Dakinhar l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal kien irrikonoxxa li l-esponiment tat-tfal għall-Kannabis
jista’ jikber bħala riżultat tal-kultivazzjoni u l-użu legali tal-kannabis minn adulti li jgħixu fl-istess dar mat-tfal.
Il-mistoqsija naturali ta’ Il-Mument u ta’ ħafna hi: Tgħid għalqulhom ħalqhom minn Kastilja?
//= $special ?>