Lokali

L-għażla ta’ Roberta Metsola bħala l-Kandidata tal-PPE għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew

“L-għażla tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola bħala l-kandidata tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew tista’ twassal biex issir ġustizzja mal-Partit Nazzjonalista li ħadem qatigħ biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

“Nemmen li jekk kollox imur sew, allura iva Roberta Metsola f’Jannar li ġej tinħatar bħala l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew. Din hi kariga mill-aktar prestiġjuża li tagħmel unur kbir lil pajjiżna; unur kbir lill-Partit Nazzjonalista u unur kbir ukoll għaliha għaliex hi mara li għandha ħafna kwalitajiet impekkabbli kemm fil-politika u anki lil hinn.”

Tonio Borg, Eks Kummissarju Ewropew u Eks Ministru tal-Affarijiet Barranin, f’reazzjonijiet mal-gazzetta Il-Mument fisser li kull Malti u Maltija għandu jħossu kburi b’dan is-suċċess ta’ Roberta Metsola li f’nofs din il-ġimgħa rebħet it-tellieqa fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew biex jirrappreżenta lil dan il-blokk għat-tellieqa finali ta’ President tal-Parlament Ewropew li hi istituzzjoni demokratika għaliex hi eletta direttament mill-poplu.

Hu qal li ta’ sodisfazzjon għal kulħadd għandu jkun il-fatt li Roberta Metsola waslet sa hawn minkejja li s-soltu dawn il-karigi prestiġjużi narawhom okkupati minn persuni ġejjin minn pajjiżi kbar. Din id-darba fit-tmun tal-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea hemm ċans kbir li naraw Maltija bħalna; Maltija brava eletta demokratikament mill-poplu Malti, u Maltija relattivament żgħira fl-età li hi konferma li biex tkun politiku tajjeb ma hemmx bżonn ta’ ħafna età.

“Roberta Metsola għandha ħafna kwalitajiet li qed jagħmluha idonea biex tissokta timxi ’l quddiem u tagħmel isem sabiħ għal pajjiżna, għall-Partit Nazzjonalista u għaliha stess.”

Tonio Borg qal li din il-ħatra għandha tkun waħda ta’ unur ukoll għall-Partit Nazzjonalista għaliex kien il-Partit Nazzjonalista li ġġieled u ssielet biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Din hi ġustizzja storika importanti ħafna u kulħadd għandu jkun kburi li se tkun Roberta Metsola li se tkun qed tikteb din il-paġna storika.

Tajjeb li wieħed japprezza wkoll li Roberta Metsola se tkun qed tissokta timxi ’l quddiem fil-karriera tagħha għaliex il-Partit Popolari Ewropew u anki politiċi minn ħdan gruppi oħrajn qed jaraw fiha mara li tipprometti, li kapaċi ġġib l-għaqda, li kapaċi sservi ta’ pont u li kapaċi tagħmel l-argumenti u l-pożizzjonijiet tagħha bl-aktar mod ċar.

Bħala l-President tal-Parlament Ewropew – speċi tal-Ispeaker tagħna iżda b’differenza – se tkun qed tippresiedi l-laqgħat iżda fl-istess ħin għandha d-dritt li tesprimi l-opinjonijiet tagħha. Hi mhix se tkun qed tokkupa xi kariga fejn se tkun imċaħħda milli titkellem dwar dak li tkun tixtieq tesprimi l-ħsijiet tagħha. Is-sistema fil-Parlament Ewropew mhix bħal dik tradizzjonali Ingliża.

Fost l-impennji tagħha hemm dawk li tirrappreżenta wkoll lill-istituzzjoni ma’ istituzzjonijiet oħrajn; li ġġib il-partijiet flimkien għal ftehim li jwasslu biex ix-xogħol jitkompla jimxi ’l quddiem, u Roberta Metsola hi meqjusa bħala persuna li kapaċi tgħaqqad u tmexxi. Naturalment illum il-ġurnata fi ħdan il-Parlament Ewropew din hi issue diffiċli minħabba l-fatt li fih hemm diversi gruppi.

It-tappa li jmiss f’din il-mixja issa hi għal nofs Jannar li ġej meta l-Parlament Ewropew jaħtar il-President tiegħu wara li f’nofs din il-ġimgħa l-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola rebħet tellieqa interna fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew u ġabet 64 fil-mija tal-voti f’elezzjoni kontestata wkoll mill-MPE Olandiża Esther De Lange u l-Awstrijak Othmar.

F’kumment hekk kif tħabbar ir-riżultat, Roberta Metsola qalet li tinsab onorata li ngħatat mandat b’saħħtu mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew biex tkun il-kandidata għall-President tal-Parlament Ewropew.

Hi qalet li t-tieni parti tal-leġiżlatura hi kruċjali għall-Ewropa u hi se tkun qed taħdem biex ikun hemm iktar għaqda u tkun qed tmexxi ’l quddiem leġiżlazzjonijiet importanti.

Tags