Ekonomija Lokali

L-isplużjoni fil-prezzijiet bdiet tinħass u se tirranka aktar minn Jannar li ġej

“Fil-pajjiż l-għoli tal-ħajja diġà qiegħed jinħass sew u din l-isplużjoni fil-prezzijiet mistennija tiżdied fl-intensità tagħha minn Jannar li ġej u fost l-ewwel vittmi għal dan l-għoli tal-ħajja se jkunu l-anzjani.

“Jien niskanta kif quddiem dan ix-xenarju inkwetanti ħafna għandna Gvern Laburista passiv li mhu jieħu l-ebda miżuri biex jipprova jikkontrolla l-għoli tal-ħajja. Qiegħed jogħla kollox… ibda mill-prodotti l-aktar essenzjali ta’ kuljum, għall-prodotti ta’ deterġenti u tindif għall-prodotti li jaqgħu taħt il-faxxa tal-materja prima.

“Ninkwieta ħafna aktar imbagħad fejn jidħlu l-prezzijiet tal-mediċini fejn il-mediċini qed jogħlew minn ġimgħa għall-oħra u meta tipprova tistabbilixxi x’qed jiġri ma ssibx irkaptu għaliex wieħed iwaħħal fl-ieħor… b’verità waħda biss… dik li l-anzjani huma minn tal-ewwel li se jbatu dawn il-prezzijiet ogħla minħabba li d-dħul tagħhom ma jpaċi bl-ebda mod il-ħruġ tagħhom… aktar u aktar meta jkollhom l-ispejjeż tat-tobba, il-viżti għand xi speċjalista u l-mediċini.”

Maria Deguara, Deputat Nazzjonalista u l-Kelliem tal-PN dwar l-anzjani, f’intervista ma’ Il-Mument tkellmet dwar diversi aspetti li jolqtu lis-settur tal-anzjani, fosthom l-impenn tal-PN li jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-għajxien tal-anzjani kif ukoll it-telqa tal-Gvern li quddiem sitwazzjonijiet mill-aktar serji jibqa’ xorta waħda passiv.

Maria Deguara qalet li hemm għadd ta’ problemi serji li l-anzjani qed jiffaċċjaw fil-preżent u oħrajn li se jkunu qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur qrib. Il-Baġit b’żidiet li ma jirriflettux l-għoli tal-ħajja hi qalet li fil-Baġit iż-żieda għall-għoli tal-ħajja kienet dik bħal tas-sena l-oħra, jiġifieri €1.75ċ fil-ġimgħa u li l-pensjonijiet kollha se jogħlew bi €3.25ċ fil-ġimgħa għal €5 fil-ġimgħa.

L-għoli tal-ħajja reġgħet inħadmet fuq il-COLA, formula li anke skont il-Ministru tal-Finanzi nnifsu ma tirriflettix ir-realtà tal-għoli tal-ħajja. Tant hu hekk li l-Ministru tal-Finanzi stess stqarr pubblikament li se jibda juża formula ġdida għal dawk il-persuni li resqin jew jinsabu fix-xifer il-faqar. Dan wasslu biex jintroduċi miżura għal dawk id-29,000 anzjan li d-dħul tagħhom hu anqas minn €14,318.

Dawn l-anzjani se jirċievu benefiċċji addizzjonali ta’ bejn €3.47ċ u €6.50ċ fil-ġimgħa. Gazzetta lokali wara l-baġit stqarret li f’dawn l-aħħar xhur l-affarijiet bażiċi tal-ħajja għolew b’€2.26ċ fil-ġimgħa. Mela ż-żieda fil-pensjoni mhix €5 iżda €2.74ċ. Dan ikkonfermatu mhux biss l-Oppożizzjoni imma anke l-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani.

Il-Ftit iridu jagħmlu tajjeb għall-ħafna

Maria Deguara qalet li minn Jannar li ġej il-prezzijiet ta’ diversi oġġetti essenzjali mistennija jogħlew bil-kbir u allura dawk l-anzjani li ma għandhom l-ebda dħul ieħor huma konxji minn issa li din iż-żieda mhux se twassalhom sal-aħħar tas-sena d-dieħla u żgur li mhux se jkunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità.

Mela dawn iż-żidied li l-Gvern ta fil-baġit għas-sena d-dieħla huma mmirati biex isolvu l-problemi tal-lum biss u bl-ebda mod ma qed jaħsbu għall-futur… u anqas għall-futur immedjat, jiġifieri għas-sena d-dieħla. Dan se jkun qed ifisser żieda ta’ anzjani fir-riskju tal-faqar jew inkella direttament fil-faxxa tal-faqar.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-mekkaniżmu tal-COLA l-ġdida jinħtieġ ikun wieħed li jiggarantixxi livell ta’ għajxien diċenti u dinjituż għall-anzjani u l-pensjonanti kollha. Hi fissret li Gvern Nazzjonalista qed iwiegħed li bil-mekkaniżmu ġdid ta’ kif tiġi kkalkolata l-COLA, l-anzjani kollha se jirċevu d-doppju taż-żiieda għall-għoli tal-ħajja.

Il-Ministru responsabbli mis-settur tal-Anzjani qal pubblikament li hemm anzjani li se jirċevu €15 żieda fil-ġimgħa. Però ma qalx li huwa biss perċentaġġ żgħir ta’ anzjani, ċioè 29,000 li diġà jinsabu viċin ix-xifer tal-faqar.

Mela fil-verità hi li l-maġġoranza tal-anzjani mhumhiex se jieħdu din iż-żieda u għalhekk f’buthom se jibqgħalhom ferm inqas minn €5 fil-ġimgħa!

Imċaħħda minn għajxien deċenti dawn iż-żidied, għalkemm tajba, huma prova ċara ta’ kemm il-pensjonanti tagħna ilhom snin imċaħħda minn pensjoni li tiżguralhom għajxien diċenti.

Allura waqt li huma bżonjużi għall-preżent, żgur li mhumiex is-soluzzjoni għall-bżonnijiet tal-anzjani u tal-pensjonanti tal-futur. Baġit vera għall-futur huwa wieħed li waqt li jindirizza l-bżonnijiet tal-lum, jiffoka u jaħseb għall-isfidi li
mistennija jkunu magħna fil-futur.

Il-ftit iridu jagħmlu tajjeb għall-ħafna Maria Deguara qalet li aktar ma jgħaddi ż-żmien, iżjed se tiżdied il-popolazzjoni tal-anzjani waqt li n-numru ta’ trabi ġodda qiegħed jonqos. Dan ifisser li se naslu fi stat fejn il-ftit iridu jagħmlu tajjeb biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet ta’ għada. Dwar dan ix-xenarju kollu l-baġit għas-sena d-dieħla ma lissen lanqas kelma waħda.

Għandna popolazzjoni li qiegħda dejjem tikber fl-età u qed twassal għal numru akbar ta’ persuni li jeħtiġilhom min idur bihom sew fil-komunità kif ukoll meta jkollhom bżonn jiġu rikoverati fl-isptarijiet jew fir-residenzi.

Nafu li għandna bżonn urġenti ta’ ħaddiema biex iservu fis-settur, fosthom tobba, infermieri, carers u staff anċillari biex iwasslu dawn is-servizzi.

Dwar dan il-baġit ma semma’ l-ebda miżura biex jattira aktar żgħażagħ Maltin biex isolvi jew itaffi din il-
problema. Minflok qegħdin dejjem niddependu fuq l-ingaġġ ta’ barranin bil-perikli kollha li dan iġib
miegħu.

L-ebda apprezzament għall-frontliners

Il-Partit Nazzjonalista’ qed jipproponi 25% żieda fl-istipendju għal dawk iż-żgħażagħ li jagħżlu li jidħlu għall-korsijiet li s-soċjetà tagħna għandha bżonn.

Ma rajna l-ebda miżura ta’ apprezzament għax-xogħol siewi li l-frontliners għamlu b’riskju għal saħħithom waqt il-pandemija bħalma għamlu pajjizi oħra. Gvern Nazzjonalista fil-gvern qed iwiegħed €14-il miljun f’kumpenss għal dawn il-ħaddiema.

Kontijiet ogħla tad-dawl u l-ilma

Il-Ministru tal-Finanzi pubblikament qal li hemm kritika għas-sistema preżenti tal-kontijiet tad-dawl u allura għandu jsib il-kuraġġ li jirrifondi lura dak li nsteraq u mhux iwaħħal fl-amministrazzjoni ta’ qabel.

Gvern Nazzjonalista qed jimpenja ruħu li jrodd il-madwar €50 miljun li l-poplu diġà nsteraq. Miżura pożittiva mħabbra hi li s-ceiling tal-pensjoni mhux taxxabbli se tiżdied b’€260 għal €14,318. Ma’ din iċ-ċifra, għat-tieni sena konsekuttiva, se tiżdied is-somma ta’ €3,600.

Din ukoll mhix taxxabbli. Dan ifisser li anzjan li jrid jibqa’ jaħdem, hu marbut li jaqla’ anqas minn €300 fix-xahar biex ma jiġix intaxxat. Liema anzjan se jitħajjar jibqa’ jaħdem biex jaqla’ anqas minn €10 kull ġurnata?

Hi żiedet li dan jistieden l-abbuż, il-prekarjat u aktar evażjoni tat-taxxa. Possibbli li Gvern, li għandu tant flus biex iberbaq fuq servizzi li l-poplu mhu qed jieħu xejn lura minnhom bħall-Electrogas, il-Vitas u l-Isteward, l-imtieħen tal-Montenegro u l-biżibilju ta’ direct orders u pagi u perkaċċi lill-pesuni ta’ fiduċja, ma sabx mod ieħor biex jevita li dawk il-pensjonanti li jixtiequ jibqgħu fid-dinja tax-xogħol ma jkunux intaxxati?

Daħk fil-wiċċ fit-trasport pubbliku

Maria Deguara, mistoqsija dwar il-proposta ta’ transport pubbliku mingħajr ħlas u qalet li kemm-il darba l-Gvern ried jinċentiva l-active aging, messu beda minn issa u mhux sena oħra. Dan kollu daħk fil-wiċċ.

Tkellimna wkoll dwar il-mediċini tal-osteoporosis, il-mediċini psikjatriċi u tal-fibromyalgia li kienu mwiegħda fil-baġit tas-sena l-oħra u issa mwiegħda mill-ġdid f’dan il-baġit. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ikompli jżid il-mediċini marbuta mal-mard tal-anzjani, inkluż mal-mard relatat mal-kanċer.

Maria Deguara qalet li b’sogħba tosserva kif is-servizzi fl-Isptar u fiċ-Ċentri tas-Saħħa marru lura. X’qed jistenna l-Gvern biex isaħħaħ is-servizzi fl-oqsma tas-Saħħa Mentali, tal-mard deġenerattiv, l-operazzjonijiet, il-kollaborazzjoni mal-isptarijiet privati? X’qed jagħmel il-Gvern biex iżid u jtejjeb is-servizzi fil-komunità u l-kura fil-qasam tad-dimensja?

Tabib tal-Familja tal-għażla tiegħek mingħajr ħlas
Maria Deguara qalet li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern iwiegħed Tabib tal-Familja tal-għażla tiegħek
b’xejn għall-anzjani ta’ aktar minn sittin sena.
Fir-rigward tal-carer at home se jkun hemm żieda ta’ €1,000 jiġifieri minn €6,000 għal €7,000. Minn
120,000 anzjan, 750 biss se jibbenifikaw minn din il-miżura u twassal għal diskriminazjoni.
Filwaqt li qalet li m’hawnx biżżejjed carers għall-homehelp minħabba li l-Gvern qatt ma kellu l-kuraġġ
jeqred il-prekarjat, Maria Deguara fissret li l-Gvern ħasel idejh u ma indirizzax din il-kwistjoni.
Gvern Nazzjonalista fil-gvern qiegħed iwiegħed dar tal-anzjani ġewwa Għajnsielem, f’Għawdex.
Smajna fir-risposta tiegħu l-Ministru għall-Anzjani jsemmi numru ta’ miżuri li l-Gvern beħsiebu
jintroduċi mis-sena id-dieħla. Li nesa’ jgħid il-Ministru hu li numru minn dawn il-wegħdiet kienu diġà
ġew imwiegħda fil-Baġit ta’ sena ilu u minn dawn sar ftit li xejn!, temmet Maria Deguara.

Tags