Internazzjonali

L-Italja: Il-gwardjani tal-kosta jsalvaw Il-mijiet tal-immigranti ‘il hinn minn Kalabrija

Il-gwardjani tal-kosta Taljani, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom isalvaw ‘il fuq minn 240 immigant – fosthom tarbija li kienet għadha titwieled – minn dgħajsa li nstabet għaddejja mingħajr kontroll ‘il hinn mill-kosta ta’ Kalabrija.

Il-ħidma tas-salvataġġ, li bdiet matul il-lejl tas-Sibt, kompliet sas-sigħat bikrin tal-Ħadd u kienet biss b’xorti tajba li l-immigranti salvaw f’ċirkustanzi diffiċli.

Dan meta s-sitwazzjoni spiċċat ikkumplikata mill-maltemp u l-baħar imqalleb – bil-missjoni ta’ fejda tkun konkluża wara xejn anqas minn 16-il siegħa.

Il-gwardjani tal-kosta, wara, ħarġu stqarrija fejn qalu li total ta’ 244 persuna – fosthom 41 minorenni u tarbija li twieldet fuq din id-dgħajsa – kienu ‘qawwijin u sħaħ’.

L-Italja, fl-aħħar ġimgħat, issorveljat żieda qawwija fid-dgħajjes li qegħdin jaslu qrib ta’ xtutha. Intant, l-aħħar movimenti ta’ immigranti f’dawn iz-zoni mistennija jimponu pressjoni jerġa’ akbar fuq il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi.

Il-Gvern Taljan, fil-fatt, jinsab ‘b’dahru mal-ħajt’ biex jiffissa ftehim mal-Unjoni Ewropea li jippermetti biex l-Istati sieħba Ewropej jissieħbu f’ ‘miżuri u sistemi effettivi’ fil-konfront ta’ dan l-influss ta’ immigranti.

Nhar il-Ħamis, il-gwardjani tal-kosta Taljani kienu salvaw 296 immigranti oħra mill-Mediterran u meta dawn l-immiganti kienu qed jissugraw ħajjithom biex jaslu l-Ewropa.

Fi stqarrija separata, l-NGO Ġermaniż Sea-Watch qal, fi tmiem il-ġimgħa, li mal-461 immigrant kienu qed jiżbarkaw minn vapuri tiegħu f’Augusta, fi Sqallija.

Sallum — fl-2021 — waslu l-Italja ‘il fuq minn 62,000 immigrant, skont l-aħħar data provduta mill-Ministeru Taljan għall-Intern.