Futbol Sport

Napoli jiftħu vantaġġ f’ras il-klassifika… It-tieni telfa konsekuttiva għal Milan

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Diego Armando Maradona Napoli kisbu rebħa ta’ 4-0 fuq Lazio biex fetħu vantaġġ ta’ tliet punti f’ras il-klassifika fuq Milan, li jinsabu fit-tieni post. Huma fetħu l-iskor tis-7 minuta meta wara li Francesco Acerbi tajjar il-ballun, kien Piotr Zielinksi li approfitta u kkonkluda fix-xibka għal 1-0. Proprju tliet minuti wara Napoli rdoppjaw meta minn pass ta’ Lorenzo Insigne kien Dries Mertens li xeħet fix-xibka għal 2-0. Napoli għamluhom tlieta fid-29 minuta meta minn pass ta’ Hirving Lozano kien Dries Mertens li b’konklużjoni minn barra l-kaxxa għeleb lil Pepe Reina għal 3-0. Napoli skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom fil-85 minuta meta minn pass ta’ Giovanni Di Lorenzo kien Fabian li b’xutt mid-distanza għeleb lil Reina għal skor finali ta’ 4-0.

Kontra kull mistenni, f’SanSiro Milan sofrew t-tieni telfa tal-istaġun meta kienu megħluba bl-iskor ta’ 3-1 minn Sassuolo. Kienu Milan li fetħu l-iskor fil-21 minuta meta minn cross ta’ Theo Hernandez kien Alessio Romagnoli li bir-ras xeħet fix-xibka għal 1-0. Minkejja dan tliet minuti wara Sassuolo kisbu l-gowl tad-draw meta kien Gianluca Scamacca li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Mike Maignan għal 1-1. Biex fit-33 minuta Sassuolo marru fil-vantaġġ meta minn xutt ta’ Gianluca Scamacca, kien Simon Kjaer li tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Sassuolo aċċertaw ruħhom mir-rebħa fis-66 minuta meta minn azzjoni personali kien Domenico Berardi li kkonkluda fix-xibka għal skor finali ta’ 3-1.

Fi Stadio Olimpico Roma kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Torino biex saħħew posthom fil-ħames post tal-klassifika. Il-gowl uniku tal-partita wasal fit-33 minuta meta minn pass ta’ Henrikh Mkhitaryan kien l-attakkant Ingliż Tammy Abraham li kkonkluda fix-xibka għal 1-0.

SERIE A

Il-Ġimgħa: Cagliari v Salernitana 1-1 Is-Sibt: Sampdoria v Verona 3-1, Empoli v Fiorentina 2-1, Juventus v Atalanta 0-1
Venezia v Inter 0-2 Illum: Udinese v Genoa 0-0, Milan v Sassuolo 1-3, Spezia v Bologna 0-1, Roma v Torino 1-0, Napoli v Lazio 4-0