Futbol Sport

Palmeiras jegħlbu lil Flamengo u jirbħu l-Copa Libertadores

(Ritratt: EPA)

It-tim Brażiljan Palmeiras għelbu lil Flamengo bl-iskor ta’ 2-1 fil-finali tal-Copa Libertadores biex rebħu dan l-unur għat-tielet darba fl-istorja tal-club, u għat-tieni staġun konsekuttiv. F’Estadio Centenario fl-Urugwaj kienu Palmeiras li fetħu l-iskor fil-5 minuta meta minn pass minn fuq il-lemin daħal tajjeb Raphael Veiga u kkonkluda fix-xibka. Flamengo kellhom jistennew sat-78 minuta biex kisbu l-gowl tad-draw permezz tal-Brażiljan Gabriel Barbosa, li b’konklużjoni fuq l-ewwel lasta għeleb lil goalkeeper ta’ Palmeiras għal 1-1. Madanakollu, hekk kif il-partita marret għall-ħin barrani, kien Deyverson li fil-95 minuta skorja l-gowl tar-rebħa għal Palmeiras, b’bosta partitarji joħorġu jiċċelebraw din ir-rebħa fit-toroq ta’ Sau Paolo.