Internazzjonali

Repubblika Ċeka: Petr Fiala magħżul bħala Prim Ministru ġdid

Il-President tar-Repubblika Ċeka, Milos Zeman, ħatar lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Petr Fiala, bħala l-Prim Ministru ġdid ta’ pajjiżu.

Zeman – li jiem ilu kien ittestja pożittiv għall-Covid – ikkonferma l-ħatra minn kaxxa tal-plexiglass, f’kamra tar-residenza tiegħu.

Skont il-kostituzzjoni Ċeka, il-President għandu biss importanza simbolika, iżda f’dan il-każ hu wkoll protagonista ta’ sitwazzjonijiet fejn il-pajjiż ikollu jaħtar Gvern ġdid.

L-aħħar żviluppi kienu possibbli wara li l-Oppożizzjoni Ċeka, ix-xahar li għadda, kisbet rebħa sorpriża fl-elezzjoni ġenerali għall-ispejjeż tal-eks Prim Ministru Ċek, Andrej Babis.

Intant, Zeman se jkun qed jintervista lill-innominati għal Ministru fil-Kabinett ta’ Praga — b’dan il-proċess għandu jkompli sat-13 ta’ Diċembru.