Lokali Parlament

Robert Abela naqas milli jiċċensura l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Fl-ewwel opportunita’ li kellu llum Robert Abela naqas milli jiċċensura l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li fl-ittra mibgħuta lil Matthew Caruana Galizia jistqarr li huwa qiegħed hemm biex jiddefendi l-interessi tal-Gvern. Dan imur kontra l-ġurament ta’ lealtà li l-istess Speaker ħa fil-bidu tal-leġislatura li fih ħalef li jkun fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Minbarra dan, Robert Abela falla milli jiddisassoċja ruħu pubblikament mill-kummenti ta’ Anthony De Giovanni, li hu mħallas minn aġenzija tal-Gvern immexxija minn bintu, minn President tal-Għaqda Veterani Laburisti. Dan wara li lbieraħ sostna li Matthew Caruana Galizia kien parzjalment responsabbli mill-qtil ta’ ommu. Minflok Robert Abela jibqa jittollera kummenti diżpreġġjattivi u diviżivi minn esponenti ewlenin tal-Partit Laburista.

Għaliex jaf li fis-settur edukattiv Robert Abela falla għal kollox, tant li kellu jibdel tliet Ministri tal-Edukazzjoni f’sena waħda biss, Robert Abela naqas milli jispjega għaliex 70% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin qed iħossuhom iffrustrati jgħixu f’pajjiżna, b’kuntrast ma’ ħames snin meta 79% taż-żgħażagħ kienu jgħidu li kuntenti jaħdmu u jgħixu f’Malta. Ukoll, fuq il-liġi tal-kannabis, wara l-appelli tat-tobba, psikjatri, min iħaddem, korpi kostitwiti u esperti fis-suġġett, Robert Abela qiegħed jipprova jiddevja l-attenzjoni billi jigdeb li din il-liġi sejjer tiddekriminalizza l-użu tal-kannabis iżda ma jgħidx li l-użu tal-kannabis b’mod responsabbli ilu iddekriminalizzat sa mill-2015, liema liġi l-Partit Nazzjonalista kien ivvota favur tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista irid bidla b’viżjoni għal ambjent aħjar milli għandna llum, edukazzjoni u opportunitajiet tax-xogħol aħjar, kwalita’ tal-ħajja u reputazzjoni ferm aħjar minn dak li kisser il-Gvern ta’ Robert Abela u Joseph Muscat. Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun qed imexxi soċjeta aktar ġusta fejn l-opportunitajiet qeghdin hemm ghal kulħadd u fejn min hu kbir jista’ jaħdem imma min hu żgħir jista’ jikber.