Chris Cassar
QRENDI ……………………… 1
TARXIEN R. ………………… 2
Qrendi: L. Cauchi, L. Martinelli, S. Schembri, I. Zammit, B. Sammut, J. Ogunnupe, A. Agius, K. Theuma, S. Perdomo, J. Grech, R. Pericles.
Tarxien R: J. Borg, C. Conceicao, R. Grech, M. Spiteri, D. Falzon, B. Muscat, S. Nanapere, M. Tabone, R. Cauchi, T. Nonato, R. Silva Faria.
Referee: Slobodan Petrovic
Bi prestazzjoni oħra pożittiva Tarxien għelbu lil Qrendi biex issa telgħu weħidhom fl-ewwel post tal-klassifika b’punt vantaġġ fuq Żebbuġ u Pieta. Kienet logħba dominata għal ħinijiet twal minn Tarxien, speċjalment fl-ewwel taqsima fejn bnew vantaġġ doppju u laqtu l-lasta avversarja tliet darbiet.
Fit-tieni taqsima kien hemm ir-reazzjoni minn naħa ta’ Qrendi kif ukoll il-kondizzjonijiet ħżiena tat-temp fejn it-tieni taqsima ntlagħbet f’dulluvju ta’ xita.
Bidu mill-aqwa għar-Rainbows li wara erba’ minuti marru minn fuq meta xutt imxellef ta’ Nanapere qarraq bill-goalkeeper li salva kif seta’, fejn forsi l-ballun kien ukoll qabeż il-linja, iżda neħħa kull dubju Silva Faria li kompla għal ġewwa.
Fit-23 minuta Tarxien viċin it-tieni gowl iżda x-xutt ta’ Nonato stampa mal-mimduda. Ix-xorti ma riditx lil Nonato li tliet minuti reġa’ kien imċaħħad din id-darba mil-wieqfa. Iżda fil-35 minuta Tarxien irduppjaw meta daqqa ta’ ras ta’ Matthew Tabone spiċċat għal darb’oħra mal-lasta iżda din id-darba Darren Falzon ma falliex mir-rebound.
It-tieni taqsima f’burraxka ta’ xita qawwija u b’save brillanti ta’ Cauchi fuq freekick ta’ Falzon. Qrendi kellhom gowl ta’ Ogunnupe mħassar wara li dan deher li kkontrolla l-ballun b’idu. Iż-żewġ naħat kellhom diversi ċansijiet ta’ skor u fil-91 minuta gowl ta’ konsolazzjoni għal Qrendi permezz ta’ Michael Gatt. Wara dan il-gowl Qrendi spiċċaw b’għaxra meta Steven Schembri ntwera t-tieni karta safra.
Żejtun jirritornaw għar-rebħ
MQABBA ………………….. 2
ŻEJTUN C ………………….. 4
Mqabba: C. Abdilla, O. Khatib, N. Falzon, G. Mannino, R. Spiteri, J. Attard, J. Azzopardi, L. Mijic, J. Vella Critien, R. Melo Costa, , L. Musu.
Żejtun C: D. Zarb, D. Agius, C. Borg, J. Cloth Gonclaves, C. Grech, G. Bugeja, C. Da Silva Barbosa, S. Tounkara, D. Xuereb, J. Farrugia, G. Azzopardi.
Referee: Sandro Spiteri
Żejtun irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mqabba 4-2 biex b’din ir-rebħa telgħu fit-tielet post tal-klassifika. Żejtun dehru resqin lejn rebħa faċli meta bnew vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel taqsima, iżda fit-tieni taqsima doppjetta ta’ Mijic daħħlet lil Mqabba fil-logħba, sabiex Żejtun kellhom jistennew sal-aħħar minuti biex serrħu rashom bir-raba’ gowl.
Il-bidu kien wieħed diffiċli għal Żejun fejn wara ftit minuti kellhom jibdlu lill-goalkeeper Zarb wara li dan weġġa’ f’daħla ma’ Khatib. Fis-17-il minuta Żejtun fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner kien Cloth Gonclaves li antiċipa lil kulħadd fuq l-ewwel lasta u bir-ras xeħet fix-xibka.
Ħames minuti wara l-istess plejer skorja t-tieni gowl bi ġmiel ta’ freekick bil-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Żejtun komplew juru l-aħjar ideat u man-nofs siegħa minn azzjoni ta’ korner id-daqqa ta’ ras ta’ Jurgen Farrugia kienet imtajjra minn fuq il-linja.
Fit-38 minuta Żejtun prattikament għalqu l-logħba bit-tielet gowl. Kienet azzjoni ta’ kontrattakk mibdija u mitmuma minn Cloth Gonclaves li qabeż diversi plejers qabel għeleb lil Abdilla b’xutt fil-baxx.
Fil-bidu tat-tieni taqsima Cloth Gonclaves ferm viċin il-poker iżda Abdilla wettaq save brillanti, biex fil-55 minuta Mqabba naqqsu l-iskor meta Melo Costa rnexxielho jqassam ballun li deher mitluf, u Luka Mijic skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin.
Dan il-gowl ta kuraġġ lil Mqabba li fit-72 minuta komplew naqqsu l-iskor b’daqqa ta’ ras oħra ta’ Mijic li ħasdet għal kollox lill-goalkeeper ta’ Zejtun. Erba’ minuti mit-tmiem Żejtun serrħu rashom minn xi sorpriża fl-aħħar meta Gilmore Azzopardi skorja r-raba’ gowl b’daqqa ta’ ras.
//= $special ?>