Lokali Qorti

Akkużat li tajjar lis-sieħeb il-ġdid tal-ex tfajla tiegħu

Raġel mill-Fgura nżamm arrestat wara li ġie mixli li intenzjonalment li fera gravi lis-sieħeb l-ġdid tal-eks tfajla tiegħu. Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Clayton Galea ta’ 38 sena u li huwa sid ta’ bar, ġie mixli li weġġa’ gravi lir-raġel, permezz ta’ sewqan perikoluż u li kiser il-libertà proviżorja.

L-Ispettur Janetta Grixti akkużat lil Galea dwar l-inċident li seħħ tard bil-lejl tat-22 ta’ Novembru fiż-Żejtun, meta l-vittma ttajjar minn BMW X6 allegatament misjuqa mill-akkużat. Kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-legalità tal-arrest tar-raġel iżda, bl-avukat tiegħu Arthur Azzopardi, li kien mgħejjun mill-Avukat Charmaine Cherrrett jitlob lill-qorti biex tiddikjarah invalidu, wara li l-uffiċjal prosekutur spjegat li Galea kien arrestat wara li mar jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija, skont il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tiegħu u wara ġie ordnat mill-pulizija biex imur l-għassa taż-Żejtun.

L-Artikolu 355AD tal-kodiċi kriminali, ikkwotat mill-prosekuzzjoni, jittratta d-dehra volontarja tal-akkużat f’għassa tal-pulizija. Iżda f’dan il-każ, kieku ma attendax, kien ikun mixli li ma obdiex ordnijiet tal-pulizija, sostna Azzopardi. “Nhar is-Sibt mar jikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-bail tiegħu filgħodu iżda mbagħad ġie ordnat imur l-għassa taż-Żejtun. M’intix liberu f’dak il-każ.”

L-Ispettur Grixti qalet li r-raġel ma kienx ġie ordnat imur iż-Żejtun, iżda kien ingħata biss struzzjonijiet biex jagħmel dan. Il-qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar dan il-punt u wara konsultazzjoni mal-liġi, iddikjarat l-arrest bħala validu.

F’isem l-imputat id-difiża qalet li Galea ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Hawn l-Avukat Azzopardi talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu. Dan kien oġġezzjonat bil-qawwa mill-prosekuzzjoni, li sostniet li l-eks-tfajla u s-sieħeb l-ġdid tagħha kienu għadhom ma xehdux u setgħu jiġu avviċinati mill-akkużat jekk jinħeles.

“Anke meta ngħata ordni illegali mill-pulizija, obda u mar l-għassa skont l-istruzzjonijiet,” sostna Azzopardi, filwaqt li rrimarka li ma kien hemm l-ebda inkjesta maġisterjali dwar l-inċident u li l-pulizija damu ġimgħa jistennew biex jarrestawh.

“Huwa kważi oxxen li toġġezzjona għal pleġġ f’dawn iċ-ċirkostanzi,” qal l-avukat. Il-maġistrat staqsiet jekk kienx hemm storja ta’ wara għal dan l-inċident. L-Avukat Leontine Calleja, li dehret parte civile għall-vittma, qalet li kien hemm. “L-inċident seħħ barra d-dar tal-eks sieħba tal-akkużat fejn saq fuq is-sieħeb preżenti tal-eks ħabiba tiegħu, bil-karozza tiegħu, u spiċċa biex sofra ksur u ddaħħal l-isptar. Hemm biża’ li jerġa’ jersaq lejn il-vittma… Qed jgħixu fil-biża’ minħabba fih. Hija tibża’ tagħti lit-tifel tagħha lill-akkużat għall-aċċess tal-ġenituri.”

Iżda l-Avukat Azzopardi qal li aktar tard il-mara kienet aċċettat li tgħaddi t-tifel barra l-għassa viċin fejn toqgħod hi. Qal li l-imputat mhux se jersaq lejn il-vittmi, li joqogħdu f’lokalita oħra fejn m’għandux negozju għaddej. Il-Maġistrat Lia iżda osservat li kien hemm xhieda li għad iridu jixhdu u li l-inċident kien seħħ barra mir-residenza ta’ wieħed mix-xhieda, li kien iddikjara li jibża’ mill-akkużat.

Minkejja li nnotat li l-akkużat kien dejjem osserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu u obda l-ordnijiet tal-pulizija, filwaqt li tħalla wkoll jivvjaġġa barra minn Malta, il-Qorti qalet li kien għad hemm biża’ reali li l-akkużat jaħrab u għalhekk irrifjutat il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Il-Qorti talbet lill-prosekuzzjoni biex issejjaħ ix-xhieda ċivili tagħha, inkluż il-vittma fl-ewwel seduta wara li l-każ ġie assenjat lil maġistrat ieħor.