Lokali Parlament

Bernard Grech iressaq mozzjoni sabiex ikun diskuss b’urġenza l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia

Il-Gvern jindika li ma jridx li jsir dibattitu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ressaq mozzjoni fejn talab li l-Parlament jiddiskuti b’urġenza l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Dan hekk kif matul il-jiem li għaddew l-Ispeaker permezz ta’ ittra mibgħuta f’ismu mill-avukat tal-fiduċja tiegħu lil Matthew Caruana Galizia, minn jeddu stqarr li huwa qiegħed fil-kariga kostituzzjonali tiegħu biex jiddefendi l-interessi tal-Gvern…b’rizultat li ddikjara ruħu mhux imparzjali.

Apparti dan, Anġlu Farrugia b’deċiżjonijiet meħuda minnu dwar każijiet investigati mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u li fihom kien hemm sejbien ta’ ksur tal-kodiċi ta’ etika minn Membri tal-Kamra, għażel li bil-vot deċiżiv tiegħu u b’rulings mogħtija minnu, ixekkel jew saħansitra jrendi bħala inutli l-ħidma tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u tal-Kumitat Permanenti dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika.

Bernard Grech fakkar li l-Ispeaker Anġlu Farrugia jokkupa l-ogħla kariga fil-Kamra tad-Deputati li fil-qafas kostituzzjonali ta’ pajjiżna…din hija fergħa tal-Istat fdata bl-eżerċizzju tas-setgħat leġislattivi.

Huwa qal li l-Kamra għandha f’kull ħin u ċirkostanza tkun ppreseduta minn persuna li jkollha attitudni u mġieba imparzjali u indipendenti u li tkun kapaċi tiżgura li l-Kamra tkun tassew istituzzjoni demokratika li twettaq skrutinju effettiv u effiċjenti tal-ħidma tal-Gvern u żżommu kontabbli matul il-leġiżlatura kollha;

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-aġir tal-Ispeaker anke b’ammissjoni tiegħu stess, imur kontra l-ġurament ta’ lealtà li huwa ħa fil-bidu tal-leġislatura ….li fih ħalef li jkun fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna – b’riżultat li l-istess aġir jikkostitwixxi materja ta’ importanza pubblika, nazzjonali u urġenti.

B’reazzjoni għal din il-mozzjoni, il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield indika li l-Gvern ma jridx li jsir dibattitu għax mhix kwistjoni ta’ urġenza u ma tissodisfax ir-rekwiżiti.