Internazzjonali

Covid-19: Il-pajjiżi jerġgħu jimponu r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar fost l-inkwiet dwar il-varjant Omicron

Numru akbar ta’ pajjiżi qed jieħdu azzjoni immedjata biex, kemm jista’ ikun, jillimitaw il-firxa tal-varjant Afrikan ġdid tal-Covid-19 – imsemmi Omicron – li qed iħasseb sew lix-xjenzati mediċi minħabba ‘iċ-ċansijiet akbar’ li l-varjant inkwistjoni jinfetta mill-ġdid lill-persuni li jkunu mardu diġà bil-coronavirus.

Sadanittant, il-Ġappun qed jipprojbixxi d-dħul ta’ barranin fl-artijiet tiegħu waqt li l-Awstralja, fiċ-ċirkustanzi, iddeċidiet li tipposponi l-pjani biex tiftaħ mill-ġdid il-fruntieri għat-turisti, studenti barranin u oħrajn ( barranin) li kellhom jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż għan-negozju.

Ir-restrizzjonijiet ġodda fil-Ġappun ma jinkludux il-barranin bir-residenzi f’dan il-pajjiż inkella l-barranin b’aktar minn entry visa wieħed, Madankollu, il-Ġappun qed jerġa’ jimponi miżuri ta’ kwarantina aktar iebsin għal kulmin jasal f’artu minn għaxar pajjiżi tal-Afrika t’isfel fosthom il-Botswana, Angola, Lesotho, Eswatini, Malawi, Mozambique, Namibia, l-Afrika t’Isfel, iz-Zambja u z-Zimbabwe.

L-Awstralja, sadanittant, irtirat il-pjani biex l-immigranti b’sengħa u l-istudenti internazzjonali jidħlu fil-pajjiż mill-Ewwel ta’ Diċembru. Dan waqt li l-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, tenna li d-dawmien, jew posponiment tal-pjan, huma ‘neċessarji’ wara l-iskoperta tal-Omicron.

Fl-aħħar sigħat, l-Iskozja rrappurtat sitt każi ġodda tal-varjant Omicron – bit-total ta’ każi tal-varjant li oriġina fl-Afrika t’Isfel jitla’ għal disa’ madwar ir-Renju Unit. Min-naħa tagħhom, il-Ministri Ewlenin tal-Iskozja u Wales – Nicola Sturgeon u Mark Drakeford – kitbu lill-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson fejn talbuh  jimplimenta kriterji aktar stretti relatati mal-ivvjaġġar.

Intant, fl-Afrika t’Isfel hemm tħassib dwar ir-rati tat-tilqim kontra l-varajanti tal-Covid li għadhom pjuttost baxxi – tant li mal-41 fil-mija biss tal-Afrikani adulti ngħataw doża waħda tal-vaċċi, b’35 fil-mija biss taċ-ċittadini jkunu fully vaccinated. Ir-rati huma ferm aktar baxxi minn tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

L-aħħar rapporti mill-Ewropa qalu li sptar fl-inħawi ta’ Liberec, fir-Repubblika Ċeka, ikkonferma dak li qed jidher bħala l-ewwel każ tal-Omicron fil-pajjiż – bil-każ jinvolvi mara Ċeka li rritornat pajjiżha minn vjaġġ fin-Namibja.

Fi żviluppi oħra, il-Ministeru tas-Saħħa ta’ Franza qal li ‘indika’ tmien każi possibbli tal-varjant Omicron u li l-każi kollha kienu relatati ma’ vjaġġi lejn iz-zoni Afrikani tan-nofsinar li saru fl-aħħar ġimgħatejn.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-votanti fl-Iżvizzera, waqt referendum, appoġġjaw il-miżuri tal-Gvern għall-kontroll tal-Covid. Ir-riżultati wrew li ‘il fuq minn 60 fil-mija tal-votanti opponew il-passi għat-tneħħija ta’ xi restrizzjonijiet, fosthom il-vaccination pass, għall-poplu.

Fil-Ġermanja, l-inċidenza tal-infezzjonijiet ġodda fuq perjodu ta’ sebat ijiem telgħet għal rekord ġdid ta’ 452.4 għal kull 100,000 persuna. Il-viroloġista ewlieni Ġermaniż,  Christian Drosten, qal li hu ‘preokkupat dwar l-Omicron’ għaliex jista’ ikun l-ewwel varjant li kapaċi jiżgiċċa lill-immunità tal-bniedem li jkun ħa t-tilqima.

Dan meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li l-varjant Omicron tal-coronavirus qed jimponi ‘element qawwi ta’ sogru fuq livell globali’ waqt li kapaċi jwassal għal konsegwenzi serji ħafna f’numru ta’ reġjuni.