Ekonomija Kummerċ Lokali

“Flimkien irridu noħolqu l-ġid għax dan huwa dak li għandhom bżonn in-negozji” – PN

“Flimkien irridu nkuni kapaċi noħolqu l-ġid għax dan huwa dak li għandhom bżonn in-negozji speċjalment in-negożji żgħar u medji”.

Sostnew dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Industrija Kristy Debono u l-Kelliem għan-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo.

Kristy Debono qalet li t-tkabbir ekonomiku ma jkunx wieħed sostenibbli jekk ma jintlaħaqx minn kulħadd. Hija sostniet li l-uniku mod li pajjiżna joħroġ mil-lista l-griza hu li jkun hemm pjan ta’ azzjoni immedjat u effettiv, filwaqt li tingħata għajnuna lil dawk in-negozji li ma kellhom ebda tort fid-deċiżjoni li Malta tispiċċa grey listed u spiċċaw intlaqtu ħażin.

Kristy Debono qalet li l-fatt li dan il-Gvern għalaq għajnejh quddiem ċerti sitwazzjonijiet wassal sabiex jiddaħħlu deċiżjonijiet rigorużi fejn qed issir diffiċli ferm għan-negozji biex jiftħu kontijiet bankarji.

Id-Deputat Nazzjonalista għamlet aċċenn ukoll għal-problema oħra li qed jaffaċċjaw in-negozji… dik taż-żieda fil-prezz tat-trasport.

Min-naħa tiegħu Edwin Vassallo qal li fil-Budget ma kien hemm ebda għajnuna għas-self employed. Huwa qal li pajjiżna għadu qed joħroġ mid-daqqa tal-pandemija u qed jaffaċċja diversi spejjeż. Iżda quddiem dan kollu l-Gvern ħabbar li min ma jasalx li jħallas it-taxxa, se jaffaċċja interessi ta’ 7%… daqqa li l-Gvern ma beżax iħabbar.

Min-naħa l-oħra l-PN ħabbar numru ta’ inizjattivi importanti sabiex l-ekonomija tkun tista’ terġa’ tirrendi. Id-Deputat Nazzjonalsita qal li fost dawn il-proposti hemm li tingħata somma għal min jinvesti f’karozza li taħdem bl-elettriku, żewġ vapuri ġodda bejn Malta u Għawdex għall-merkanzija u jkun hemm eżenzjoni mill-VAT sa 10,000 ewro fuq spejjeż ta’ finishing tad-djar.