Lokali

Il-PN se jorganizza Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘Ħudu r-riedni f’idejkom’

L-indipendenza u l-kontroll, biex il-persuni b’diżabbiltà ħajjithom tkompli titjieb. Dan kien il-messaġġ li wassal il-PN tul konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-PN u Kelliem għall-Persuni b’diżabbiltà David Agius u l-President tal-FOIPN Jamie Vella.

Tul din il-konferenza tħabbar ukoll li s-Sibt li ġej il-PN se jkun qed jorganizza Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘Ħudu r-riedni f’idejkom’.

Fl-intervent tiegħu Jamie Vella qal li l-inizjattivi tal-PN huma msejsa flimkien ma’ dawk konċernati biex dan is-settur ikompli jissaħħaħ.

Il-PN qed jinsisti li Malta ghandha bzonn Kummissjoni Nazzjonali tal-Persuni b’diżabbilità aktar b’saħħitha u li jkollha r-riedni f’idejha kif ukoll l-indipendenza li tirraporta lejn il-Parlament, u mhux lill-Ministeru partikolari.

Intqal li dan huwa kruċjali li jsir  biex is-CRPD ma tħossx li għandha obbligu lejn il-Gvern jew lejn Ministeru partikolari, iżda l-impenn tagħha jissaħħaħ aktar favur is-soċjetà Maltija.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-appuntament li jmiss huwa nhar is-Sibt li ġej, l-4 ta’ Diċembru mid-9am sa 12pm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, u kull min jixtieq jibbukkja post jista’ jċempel fuq 25965262.