Internazzjonali

L-Awstrija — Impenjati biex jagħtu ħajja ġdida lill-ftehim nukleari mal-Iran

Bdew mill-ġdid, fi Vienna, sensiela ta’ ta’ taħditiet kritiċi intiżi biex jevitaw il-kroll assolut tal-ftehim nukleari storiku li kien intlaħaq fl-2015 bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja.

It-taħditiet qed jissuktaw wara waqfien ta’ ħames xhur, bl-uffiċjali qed jiddiskutu ‘ir-ritorn possibbli’ tal-Istati Uniti għan-negozjati dwar dan il-ftehim li jillimita l-attivitajiet nukleari tal-Iran u li anki jesiġi għat-tneħħija tas-sanzjonijiet fuq ir-reġim ta’ Tehran.

Mindu l-Istati Uniti – taħt l-eks President Donald Trump – irtirat mill-ftehim fl-2015, l-Iran kiser u abbuża numru ta’ kundizzjonijiet relatati mal-patt storiku. Dan ukoll wara li Trump kien impona mill-ġdid is-sanzjonijiet għall-Iranjani – bil-President Amerikan attwali, Joe Biden, jesprimi r-rieda li jneħħi l-istess sanzjonijiet ‘f’każ li l-Iran jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet fis-settur nukleari’.

L-Iran irid — u qed jistenna – li l-Istati Uniti tagħmel l-ewwel pass ‘biex tirranġa l-affarijiet’ iżda d-diplomatiċi tal-Punent wissew li ż-żmien qed jagħfas għal soluzzjoni ideali li għandha tintlaħaq bin-negozjati. Dan wara li l-Iran għamel avvanzi sinifikattivi fil-programm għall-irraffinar tal-uranju li jista’ jintuża fil-produzzjoni ta’ missila nukleari – bir-reġim Iżlamiku f’Tehran jinsisti li dan il-programm ‘hu intiż biss għal proġetti paċifiċi’.