Internazzjonali

L-Iżvezja: Tirritorna Magdalena Andersson wara r-riżenja

L-Ewwel Prim Ministru mara tal-Iżvezja reġgħet inħatret fl-ogħla kariga amministrattiva ta’ pajjiżi.

Dan seħħ jiem biss wara li Magdalena Andersson (ritratt) – il-Kap tal-Partit Soċjali Demokratiku — kellha tirriżenja minn Prim Ministru b’kaġun ta’ taqlib politiku; bir-riżenja sseħħ sigħat biss wara li hi kienet ħadet il-ġurament tal-ħatra u bil-koalizzjoni tagħha tisfuma fix-xejn.

Is-sitwazzjoni seħħet ukoll wara li l-proposta ta’ Andersson (ekonomista) għall-baġit ma għaddietx mill-vot tad-deputati – u bir-riżultat li l-Gvern ġdid ta’ koalizzjoni mal-Partit tal-Ħodor ma setax ikun realizzat.

Intant, id-deputati fil-Parlament ta’ Stokkolma , issa, reġgħu taw l-appoġġ lil Andersson permezz ta’ vot ġdid– u fejn hi se tipprova tmexxi Gvern ta’ partit wieħed sakemm l-Iżvediżi jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali tas-sena d-dieħla.