“Gvern ġdid Nazzjonalista se joffri l-għodda kollha neċessarja sabiex in-negozji jkunu jistgħu jkomplu jimirħu u jikbru, għax huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna”. Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta t-Tnejn filgħodu żar il-kumpanija Burmarrad Group.
“Dawn in-negozji tal-familija qegħdin hemm għax għandhom l-imħabba u l-passjoni li jaħdmu u allura l-familja kollha tkun qiegħda taħdem f’dan l-operat, b’hekk jikbru u jimplu jinvestu. Però PN fil-Gvern se jkun qed jara li qed jagħti l-għodda neċessarja biex dawn in-negozji jkomplu jikbru għax huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna.“
Mal-wasla tiegħu huwa nltaqa’ mis-sid ta’ din il-kumpanija Mario Gauci u mill-Kap Eżekuttiv Sharon Gauci. Dan in-negozju tal-familja jħaddem madwar 80 persuna u jispeċjalizza fis-settur tat-trasport b’mod partikolari f’maintenance, kiri ta’ vetturi u manifattura.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kellu l-okkażjoni li jdur l-uffiċini u l-workshops ta’ din il-kumpanija u jsegwi x-xogħol li jagħmlu. Huwa ltaqa’ wkoll ma’ diversi ħaddiema, fosthom numru ta’ mechanics fejn tkellmu miegħu dwar il-ħidma tagħhom.

Bernard Grech qal li huwa importanti li pajjiżna jinvesti iktar f’dawk il-persuni li jridu jkomplu jispeċjalizzaw fix-xogħol tas-snajja’, għaliex dawn huma s-sinsla ta’ negozji bħal dawn.
“Qegħdin naħdmu fuq sistema ta’ apprentistat biex ngħinu iktar studenti jaħdmu xogħol ta’ snajja’, jistudjaw ukoll f’dik id-direzzjoni u jsibu wkoll impjieg ma’ dawn il-kumpaniji biex dan is-settur ikun jista’ jkompli jikber. Dan għaliex ekonomija b’saħħitha tagħhom, tfisser ekonomija b’saħħitha għall-pajjiż.“
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Burmarrad Group Sharon Gauci saħqet li huwa importanti li jkun hemm iktar investiment f’dan ir-rigward.
“Hawn ħafna studenti li kapaċi jagħmlu xogħol tal-idejn… mhux diżunur li tiċċappas… li ssir mechanic li ssir sprayer… Irridu nagħmlu pressjoni biex dawn l-istudenti verament ikollhom it-tagħlim u anke esperjenzi hands fuq il-post tax-xogħol.”

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Jerome Caruana Cilia.
