Lokali

Serata mużikali letterarja fil-Munxar b’tifkira għall-vittmi tal-COVID

Fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfraġu, fil-Munxar saret serata mużikali letterarja bl-isem ta’ ‘Erwieħ u Qaddisin’ organizzata mill-Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu II “JP2 FOUNDATION” b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali tal-lokalità biex ifakkru l-vittmi tal-COVID-19.

Alfred Grech u Alvin Scicluna qraw xi siltiet letterarji relatati max-xahar ta’ Novembru mill-Professur Ġuzè Galea, poeżiji ta’ Karol Wojtyla miktuba fl-1939, Dun George Mercieca u Patri Mattew Sultana. Din l-attività tfakkar ukoll l-40 anniversarju mill-attentat ta’ qtil fuq il-Papa Ġwanni Pawlu II fi Pjazza San Pietru, il-Belt tal-Vatikan, li seħħ fit-13 ta’ Mejju 1981.

Is-serata ospitat lil Lydia Buttigieg fuq l-arpa u sopran Rosabelle Bianchi li esegwiet diversi xogħlijiet fosthom
‘Chaconne’ ta’ Clarke, ‘Gymnopedie No1’ ta’ Satie, ‘Benedictus’ ta’ Jenkins, u ‘Primavera’ ta’ Einaudi. Is-sopran akkumpanjata mill-arpa kanta bil-ħlewwa: ‘Ave Maria’ ta’ Tosti, ‘La Vergine degli Angeli’ tal-kompożitur Taljan Giuseppe Verdi, ‘Pie Jesu’ ta’ Faure, ‘Ti voglio star vicino’ ta’ Bach, ‘Dieħla ġo qalbi’ ta’ ‘Ave Maria’ ta’ Ortolani u Bach/Gounod.

Fi tmiem is-serata, il-Kappillan il-ġdid tal-Munxar, il-Kanonku Anton Refalo, irringrazzja lill-Kunsill Lokali għall-għajnuna mogħtija f’okkażjonijiet bħal dawn fil-preżenza tal-Viċi Sindku Carmen Parnis, kif ukoll liż-żewġ solisti Maltin, lil dawk preżenti u lill-Fondazzjoni “JP2” li għażlet il-knisja parrokkjali tiegħu biex torganizza din is-serata ta’ Novembru.