Lokali

93% kontra l-marina f’Marsaskala

Tkompli l-oppożizzjoni qawwija għall-intenzjoni tal-Gvern li jiżviluppa marina fil-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala.

Stħarriġ li sar ftit tal-jiem ilu minn Valerie Visanich, mid-Dipartiment tas-Soċjoloġija tal-Università ta’ Malta, juri kif 93 fil-mija ma jaqblux mal-proġett, f’riflessjoni ċara tat-tħassib tar-residenti Skalin.

Għall-istħarriġ – li sar fuq Facebook fuq sebat ijiem – kien hemm 1,100 risposta valida minn gruppi u paġni li jinkludu residenti jew persuni oħrajn li għandhom interess f’Marsaskala.

Fil-fatt, madwar madwar 70 fil-mija minn dawk li wieġbu huma residenti fissi, filwaqt li 8 fil-mija oħra huma dawk li joqgħodu hemm temporanjament. Minn dawk li wieġbu, kien hemm aktar nisa milli rġiel, żewġ terzi għandhom livell edukattiv terzjarju u 61 fil-mija tal-età ta’ bejn it-30 u d-59 sena.

It-93 fil-mija li qalu li ma jaqblux mal-proġett ….qablu wkoll li kwalunkwe żvilupp ta’ Yacht Marina jirrovina Marsaskala. Barra minhekk, dawk li wieġbu nnutaw fost l-oħrajn kif dan il-proġett iħammeġ il-bajja u jeqred l-ambjent naturali, filwaqt li jħassar il-karatteristiċi tal-lokalità.

Il-persuni li wieġbu nnutaw ukoll kif b’Yacht Marina fil-Bajja ta’ Marsaskala jkun mhedded xogħol is-sajjieda li jaqilgħu l-għajxien minn hemm, kif ukoll il-ftit zoni ta’ rilassament u għawm li għad fadal.

Iddomina wkoll it-tħassib għall-mod kif il-Gvern ma kkonsultax mar-residenti, iżda anke kif il-Gvern ivvinta raġuni oħra kif jhedded lil-lokalità bħalma kien għamel meta ppropona l-bini tal-Università tal-Ġordaniżi fiż-Żonqor.

Min-naħa l-oħra, il-55 persuna li qalu li huma favur il-proġett kif propost innutaw biss il-fatt li l-irmiġġi li jintrabtu d-dgħajjes magħhom għandhom bżonn ikunu aġġornati, kif ukoll li dan il-proġett jista’ jgħin ekonomikament lil-lokalità.

Oħrajn ammettew li jaqblu ma’ Marina fil-Bajja ta’ Marsaskala sempliċiment għaliex għandhom yacht huma stess li jixtiequ li jintrabat eqreb lejn darhom.