Lokali

Clayton Bartolo jibqa’ maqtugħ mir-realtajiet xejn sbieħ tal-lukandi

Ġimgħa ilu, il-Ministru Clayton Bartolo pprova jirredikola l-mistoqsijiet tal-media dwar it-tħassib ta’ dawk fis-settur turistiku minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid fl-Ewropa.

Illum, ġimgħa wara, u meta l-lukandi f’pajiżna qegħdin ta’ kuljum ikollhom bookings imħassra għall-ġranet li ġejjin. l-istess Ministru jibqa’ mhux biss bla pjan, Imma jibqa’ b’għajnejh magħluqin għall-isfidi li qed jiffaċċjaw l-operaturi turistiċi f’pajjiżna.

Bartolo filfatt ċaħad li l-lukandi qed ikollhom bookings imħassra, minkejja li NetNEWS hu infurmat li dawn ta’ kuljum qed jitilfu bookings li kellhom għall-ġimgġat li ġejjin.

Meta ma kienx kapaċi jagħti tweġiba serja għall-mistoqsijiet tagħna dwar id-dekasteru li tiegħu huwa suppost responsabbli, Clayton Bartolo spiċċa jirritalja b’kummenti partiġġjani u pwerili. Dan kollu fl-isfond tal-fatt li issa d-dinja kollha tinsab imħassba bil-varjant il-ġdid.

Intant, l-operaturi u s-sidien tal-lukandi jibqgħu bla serħan il-moħħ mill-Ministru responsabbli minnhom, dwar kif se jirnexxielhom jgħaddu staġun ieħor iebes turistiku, li flok qed juża ħinu biex ifassal pjan ta’ kontinġenza għalihom, u biex joħroġ ideat li jistgħu jgħinuhom isalvaw dan l-istaġun, minflok qed jinħela f’battibekki li jkomplu jixhdu kemm Bartolo libes żarbun kbir wisq għalih meta Robert Abela tah ir-responsabbiltà ta’ settur daqstant kruċjali għal pajjiżna.