Internazzjonali

Covid-19: L-Omicron seta’ feġġ ‘aktar kmieni’ fl-Ewropa

Il-varjant ġdid tal-Covid Omicron issa maħsub li daħal fl-Ewropa qabel iż-żmien identifikat għall-ewwel darba mill-esperti mediċi. Fil-fatt, l-aħħar rapporti qalu li l-varjant kien preżenti fl-Olanda minn qabel il-perjodu li kien iffissat xi ġranet ilu.

Sar magħruf, issa, li l-Omicron kien identifikat f’żewġ kampjuni (test samples) li ttieħdu fl-Olanda bejn id-19 u t-23 ta’ Novembru – u qabel il-varjant ‘Afrikan’ kien irrappurtat uffiċjalment għall-ewwel darba mill-Afrika t’Isfel.

Mhux ċar jekk in-nies li ħadu t-testijiet kenux ġejjin minn btala jew perjodu ta’ xogħol fil-pajjiżi Afrikani tan-nofsinar. Dan meta, qabel, kien maħsub li l-ewwel każi tal-varjant il-ġdid kienu daħlu fl-Olanda nhar il-Ħadd permezz ta’ żewġ titjiriet mill-Afrika t’Isfel.

L-ewwel indikazzjonijiet issuġġerew li l-Omicron għandu potenzjal ogħla li jinfetta mill-ġdid lin-nies li kienu mardu diġà mill-Covid. Madankollu, ix-xjenzati jgħidu li jridu jgħaddu tlett ġimgħat qabel isir magħruf l-impatt tal-varjant  ġdid ( li għadda minn diversi bidliet) għall-effettività tal-vaċċini.

Ir-rapporti mill-Olanda qalu li nstabu diversi ‘varjazzjonijiet’ tal-Omicron fost il-passiġġieri li, nhar il-Ħadd, waslu fl-ajruport ta’ Schiphol (f’Amsterdam) mill-Afrika t’Isfel. Għaldaqstant is-sinjali huma li dawn x’aktarx li kienu infettati‘b’mod indipendenti’ minn xulxin u minn sorsi u lokalitajiet differenti.

Il-kap tal-entità tal-Unjoni Ewropea li hi nkarigata mis-saħħa pubblika qalet li hemm 42 każi kkonfermati tal-varjant ġdid Omicron madwar il-pajjiżi tal-UE. Andrea Ammon, li tmexxi l-European Centre for Disease prevention and Control, żiedet li kien hemm sitt każi ‘probabbli’ oħra taħt analiżi waqt li insistiet li l-każi kollha ( tal-Omicron) li nstabu s’issa kienu jinvolvu mard ħafif — b’xi każi lanqas ma juru s-sintomi.

Intant, l-awtoritajiet mediċi Britanniċi qed ikomplu bil-miżuri kontra l-Covid u l-varjanti u meta issa, il-poplu fl-Ingilterra bilfors irid jilbes il-maskri kull darba li juża t-trasport pubbliku. Dan ukoll meta ħadd ma jista’ jidħol fi kwalunkwe ħanut (fl-Ingilterra) mingħajr il-maskra. Fl-istess ħin, in-nies li qed jaslu fir-Renju Unit iridu jieħdu PCR test u jgħixu iżolati għal numru stabbilit ta’ ġranet sakemm jirċievu riżultat negattiv.

Sadanittant, Ii-Polonja, f’perjodu ta’ 24 siegħa, irrappurtat ‘il fuq minn 19,000 każ ġdid tal-Covid u 526 mewta relatata – li jfissru l-ogħla ammont ta’ fatalitajiet mill-virus fil-pajjiż għal ġurnata waħda minn April li għadda.