Internazzjonali

Il-Ġermanja: Membru tal-ISIS misjub ħati wara proċess storiku

Membru Iraqi tal-grupp terroristiku ISIS instab ħati dwar ġenoċidju kontra l-minoranza reliġjuża tal-Yaszidi, waqt proċess tal-qorti storiku fil-Ġermanja.

Intant, qorti fi Frankfurt ikkundannat lill-imputat — Taha al-Jumailly — għal priġunerija għal għomur wara li hu nstab ħati b’konnessjoni ma’ diversi reati kontra l-umanità, inkluż l-omiċidju ta’ tifla ċkejkna ( tal-Yazidi) fl-Iraq.

Al-Jumailly — ġiħadista — kien akkużat b’li żamm lit-tifla ta’ ħames snin ‘taħt tortura u fost ħajja ta’ skjavtu’ — u sakemm spiċċa rabatha bil-ktajjen u ħalliha tmut bil-għatx.

Al-Jumailly hu l-ewwel membru tal-ISIS li spiċċa kundannat dwar att ta’ ġenoċidju kontra membru tal-komunità Yazidi.

Din il-komunità — minoranza li titkellem bit-Tork — spiċċat ippersegwitata mill-ISIS wara li t-terroristi kienu ħatfu ammont kbir ta’ territorju fl-Iraq u s-Sirja , fil-bidu tal-2014. Eluf ta’ irġiel tal-Yazidi spiċċaw maqtula, bin-nisa u t-tfal jispiċċaw skjavi tal-ISIS wara li t-terroristi kienu daħlu fiz-zona ewlenija ta’ din il-komunità, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iraq.

Dan waqt li n-Nazzjonijiet Uniti, tul is-snin, irrepetiet li l-ISIS wettaq kampanja ta’ ġenoċidju u diversi reati tal-gwerra oħra fil-konfront tal-Yazidi.