Lokali

Il-ġlieda tal-PN għad-demokrazija u l-libertà

L-istorja tul l-aħħar mitt sena turi biċ-ċar li poplu li jgħożż il-libertà u d-demokrazija jrid iħarisha kuljum. Bid-difetti kollha tagħha d-demokrazija hija l-aħjar politika biex kull bniedem jista’ jgħix fit-tgawdija tal-libertà u d-drittijiet kollha tiegħu bħala bniedem u bħala ċittadin ta’ pajjiż demokratiku. Din hi wkoll l-istorja tagħna l-Maltin, tal-bieraħ u tal-lum.

Ħamsa u tletin sena ilu l-poplu Malti u Għawdxi għex fost waħda mill-aktar esperjenzi traġiċi u perikolużi fil-ġlieda għad-demokrazija u l-libertà li kienu mhedda bl-aktar mod qawwi mill-Partit u l-Gvern Laburista. Malta kienet ilha sa mill-1971, meta tela’ l-Labour ta’ Mintoff fil-gvern, tgħix ġrajjiet ta’ attakki vjolenti kontra d-demokrazija. Dik kienet era storika oħra ta’ impunità.

Minkejja li f’ħafna każi min kien responsabbli kien magħruf mhux biss ma kinux jittieħdu passi talli kien jidher ċar li l-mexxejja u l-politiċi Laburisti kienu qed japprovaw, u fil-każ ta’ wħud iħeġġu, il-vjolenza, abbużi u korruzzjoni li kienet l-ordni tal-ġurnata f’dawn is-snin. F’xi każijiet il-Pulizija kienet saħansitra tingħaqad mal-partitarji Laburisti fl-attakki kontra n-Nazzjonalisti u kull min f’dak iż-żmien ħass li ma setax jaqbel mal- Labour.

Ħamsa u tletin sena ilu – l-1986 – konna qed ngħixu żmien tal-biża’. Minkejja li ħames snin qabel il-maġġoranza assoluta tal-poplu vvotat għall-bidla, il-Partit Laburista żamm il-Gvern avolja l-Perit Mintoff kien wiegħed li jekk il-poplu ma jivvotalux hu ma kienx lest li jkompli jiggverna. Il-Partit Nazzjonalista, li kellu l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tal-poplu, bit-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami, daħal għar-responsabbiltà li jagħmel dak kollu possibbli biex isalva d-demokrazija u l-libertà. Il-poplu Malti u Għawdxi fehem is-sewwa u l-ġustizzja tal-ġlieda li kien hemm bżonn issir u kien jirrispondi bl-akbar appoġġ għad-dimostrazzjonijiet u l-mass meetings li l-PN kien isejjaħ kull xahar, u kultant kull ġimgħa, billi kien jinġabar fl-akbar folol fl-istorja politika ta’ Malta.


Partitarji Laburisti f’dawn is-snin kienu jattakkaw diversi attivitajiet tal-PN; attakkawlu, u ħarqulu, diversi każini; eluf ta’ Nazzjonalisti ġew vittimizzati fuq il-post tax-xogħol; diversi seduti tal-Parlament ġew sfrattati minn partitarji Laburisti li kienu jinvadu l-Istrangers Gallery waqt li mhux darba u tnejn MPs Laburisti attakkaw u sawtu MPs Nazzjonalisti fil-Kamra tad-Deputati waqt is-seduti. Mhux il-każ li f’dan l-artiklu nagħmel lista eżawrjenti tal-inċidenti li seħħew f’din l-epoka.

L-impunità tal-Labour kienet mifruxa ma’ kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Il-PN irreżista bil-qawwa u bena moviment nazzjonali enormi biex ixejjen it-theddid tal-Gvern tal-Labour. Meta bdejna noqorbu għall-elezzjoni tal-1987, fost l-attivitajiet tal-kampanja elettorali, il-PN ħass il-bżonn li jsemma’ leħnu fl-inħawi tal-Kottonera u ż-Żejtun, fejn minkejja l-appoġġ kbir li kien igawdi l-Labour xorta kien hemm poplu li kellu bżonn iħoss u jara l-wens u l-preżenza tal-PN. Kien għalhekk li konna ddeċidejna li norganizzaw Mass Meeting fiż-Żejtun fit-30 ta’ Novembru 1986.

Ir-raġunament tal-PN kien sempliċi u ċar – id-demokrazija kienet titlob li l-ebda rokna ta’ Malta u Għawdex ma kellha tkun magħluqa għal xi attività ta’ xi partit jew moviment politiku. Tal-Labour ma setgħux jitħallew igawdu l-impunità li jiddettaw huma fejn ħaddieħor jorganizza l-attivitajiet politiċi tiegħu. Kien id-dmir tal-PN li dan il-prinċipju fondamentali jħaddmu u għalhekk fit-22 ta’ Novembru 1986 applikajna għall-permess biex nagħmlu Mass Meetings f’diversi postijiet, inkluż fiż-Żejtun. Għall-ewwel il-Pulizija ma sabux oġġezzjoni u taw il-permess. Il-PN ħareġ l-avviż fl-“In-…Tagħna” (għax il-Gvern kien għadda liġi li ma stajniex nużaw il-kelma ‘Nazzjon’ mingħajr il-permess tiegħu) li kien se jorganizza Mass Meeting fiż-Żejtun fit-30 ta’ Novembru.

Tal-Labour fl-istess ġurnata kellhom Mass Meeting Ħaż-Żebbuġ.

Erbat ijiem qabel il-Mass Meeting il-PN irċieva ittra mill-Pulizija li l-permess qed jiġi irtirat u li ma kellniex permess norganizzaw xi Mass Meeting la fiż-Żejtun, la f’Raħal Ġdid u lanqas f’post fil-Kottonera. Il-PN ikkontesta din id-deċiżjoni billi fetaħ kawża kostituzzjonali b’urġenza. Il-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza tagħha, konfermata fl-Appell fid-29 ta’ Novembru, sostniet li ma setgħetx taċċetta r-raġunament tal-Gvern u tal-Pulizija li qalu li kienu beżgħanin li jekk jagħtu l-permess seta’ jinqala’ l-inkwiet u jkorru n-nies. Il-messaġġ ċar tal-Qorti kien li d-drittijiet fondamentali kellhom jirbħu fuq kollox u kien dmir tal-Gvern u l-Pulizija li jipproteġu t-tħaddim tal-libertà tal-espressjoni billi jassiguraw l-ordni
pubbliku u jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ma jħallu lil ħadd jikser il-liġi.

Minflok partitarji Laburisti, fid-deher u binhar f’wiċċ kulħadd, mhux biss komplew għaddejjin bl-atti vjolenti tagħhom f’diversi partijiet tal-pajjiż, talli bdew jimbarraw it-toroq kollha li jagħtu għaż-Żejtun, inkluż bl-għajnuna ta’ inġenji tal-Gvern.

Iżda l-PN kien determinat li jiddefendi d-drittijiet tal-poplu u tad-demokrazija u li jżomm l-appuntament li kellu. Eluf ta’ Maltin u Għawdxin segwew is-sejħa tal-PN u akkumpanjaw lill-Kap tal-PN Eddie Fenech Adami u mexxejja oħra tal-partit, fosthom il-Viċi Kap Guido de Marco, Ċensu Tabone, Ugo Mifsud Bonnici u oħrajn, u ltqajna fejn ir-roundabout ta’ Santa Luċija u tlaqna bil-mixi tul Triq il-Barrani lejn iż-Żejtun.

Jien kont fuq quddiem nett tal-marċ lejn iż-Żejtun, bis-soltu megaphone f’idejja. Hekk kif qrobna lejn id-daħla għaż-Żejtun affaċċjajna ġgajta ta’ partitarji Laburisti. Ġejna vjolentement imsawta u diversi korruti. Il- Pulizija, minflok jipproteġu l-folla, issieħbu mal-Laburisti u bdew jisparaw fuqna gass tad-dmugħ u rubber bullets.

Sadanitant Eddie Fenech Adami u Guido de Marco, fuq vann li kellha sistema ta’ loudspeakers, kellmu lill-folla u ħeġġewna ma naqtgħu qatt qalbna. Il-PN kien determinat li akkost ta’ kollox jirbaħ il-ġlieda favur il- libertà u d-demokrazija għall-poplu Malti kollu.

Tal-Labour, wara din it-traġedja u attakk faxxista fuq id-demokrazija, mhux biss ma wrew l-ebda rimors, talli l-għada, l-1 ta’ Diċembru, organizzaw carcade lejn il-Parlament u waqt li għaddejjin minn quddiem il-Każin PN Tarxien sparaw b’sub machine gun fuq il-każin. L-istess arma reġgħet intużat fil-5 ta’ Diċembru fuq il- Każin tal-Gudja meta qatlu lil Raymond Caruana, arma li imbagħad tpoġġiet fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttil biex iwettqu l-frame-up faħxi fuqu li kien hu li qatel lil Raymond Caruana, akkużi li ġie liberat kompletament minnhom ftit xhur wara fit-30 ta’ Lulju 1987.

Ħafna minna ħsibna li wara r-rebħa elettorali ta’ Mejju 1987 u l-Gvernijiet Nazzjonalisti li segwew tista’ tgħid sal-2013 il-libertà u d-demokrazija kienu issa garantiti. Għall-kuntrarju, it-tmexxija Laburista tal-aħħar snin uriet li hija mimlija ingredjenti tal-istess formula politika ta’ impunità li kienet dejjem il-bażi għall- abbużi, korruzzjoni u ksur ta’ liġi u kostituzzjoni li jikkaretterizzaw is-snin tal-Labour fil-gvern fis-snin mgħoddija. Dan l-anniversarju għandu jfakkarna f’żewġ messaġġi prinċipali. L-ewwel, li min jinsa l-istorja jerġa’ jgħixha. Ħafna ħasbu li jistgħu jserrħu rashom u ma rrealizzawx li l-istess theddid għad-demokrazija u l-libertà qed iseħħu llum b’mezzi u tattika aktar fini.

It-tieni, poplu li ma japprezzax il-valur ta’ demokrazija vera hu poplu li f’xi mument iħallas prezz qares għall-indifferenza tiegħu u għal kuxjenza dgħajfa fejn jidħlu s-sewwa u l-ħażin. Fiċ-ċirkostanzi ta’ 35 sena ilu l-PN kellu jagħmel għażliet diffiċli u kuraġġużi. Dak iż-żmien kienu ħafna n- nies li wkoll kellhom jagħmlu għażliet diffiċli – jibqgħux gallarija, jinħbewx, jibqgħux komdi jilħqu kompromess ma’ dak u l-ieħor, jinsew l-interess nazzjonali għal xi pjaċir jew ieħor. Ħafna kienu dgħajfa u baqgħu jinġarru mal-kurrent. Oħrajn kienu kuraġġużi u qamu fuq saqajhom. Fortunatament dawn kienu ftit aktar mill-oħrajn. Biżżejjed biex maġġoranza assoluta għal darb’oħra insistiet li jkun hemm bidla fil-gvern.

Illum ukoll il-PN qed jaffaċċja sitwazzjoni diffiċli, u aktar komplessa. Il-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba qed jiġu msejħa biex ikunu kapaċi jsaffu l-qamħ tas-sewwa mis-sikrana tal-propaganda u l-pjaċiri u l-abbużi qarrieqa.
Id-demokrazija rridu nħarsuha u nissieltu għaliha kuljum.