Lokali Parlament

Il-gvern jibqa’ għaddej; japprova fil-kumitat il-liġi tal-kannabis…jonqos biss il-firma tal-President

Minkejja l-appelli ta’ diversi għaqdiet li jaħdmu fis-settur soċjali, il-Gvern illejla baqa’ għaddej u approvata mill-istadju ta’ kumitat il-liġi kontroversjali dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis.

Wara li fl-aħħar ġranet il-Gvern għadda din il-liġi mill-istadju tat-Tieni Qari fis-sessjoni plenarja tal-parlament, illum il-gvern resaq din il-liġi fl-istadju ta’ kumitat fejn il-liġi kienet tratta klawsola klawsola. L-Oppożizzjoni vvutat kontra l-klawsoli ta’ din il-liġi u apellat lill-gvern biex jirrikonsidra l-pożizzjoni tiegħu minħabba li fil-prinċipju din il-liġi se tkun qed iżżid l-użu tal-kannibis fis-soċjetà.

Fl-istadju ta’ kumitat anki l-għaqdiet volontarji li attendew għal-laqgħa li saret fil-parlament appellaw lill-gvern biex ma jibqax għaddej b’diversi emendi ta’ din il-liġi iżda mninkejja dawn l-appelli l-Ministru Owen Bonnici baqa’ għaddej japprova klawsola wara l-oħra u ma jismax l-appelli tal-għaqdiet volontarji.

Id-deputati labursti li kienu preżenti għal dan il-kumitat u vvotaw favur il-liġi kienu Jonathan Attard, Rosianne Cutajar u Ian Castaldi Paris waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalisti Claudio Grech, Claudette Buttigieg u Stephen Spiteri li vvutaw kontra.

Issa li l-liġi kienet approvata minn dan l-istadju jonqos biss l-approvazzjoni tal-President ta’ Malta George Vella biex tidħol fis-seħħ.