Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela jixxaħħaħ mal-Pulizija – PN

Il-Korp tal-Pulizija bħalissa għaddej minn żmien ta’ inċertezza kbira. Deċiżjonijiet żbaljati qed iwasslu għal moral baxx fl-istess Korp bl-aqwa elementi jiddeċiedu li jitilqu mill-istess Korp mingħajr ma jiġu attirati nies ġodda lejn dan l-istess Korp.

Fi stqarrija maħruġa it-Tlieta filgħodu, Beppe Fenech Adami, Kelliem għall-Intern, is-Sigurtá Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza f’isem il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern ta’ Robert Abela iddeċieda li jixxaħħaħ mal-pulizija u li qata’ l-overtime u l-extra duty. Dan filwaqt li jirrifjuta li jisma l-karba tal-Unions li jirrappreżentawhom, li b’mod sistematiku qegħdin jiġu totalment injorati.

Beppe Fenech Adami sostna li huwa evidenti li l-politka tal-Gvern Laburista hija li jixxaħħaħ mal-Pulizija b’detriment għas-servizz u l-kwalitá tal-ħajja tal-istess membri tal-Korp billi iddeċieda li jabbanduna lilhom u l-familji tagħhom

Il-Partit Nazzjonalista għal drab’oħra jesprimi s-solidarjetátiegħu ma’ kull membru tal-Korp vittma ta’ inġustizzji.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jara li l-Pulizija ta’ pajjiżna mill-ġdid jingħataw l-istima li jixraqilhom. Gvern ġdid Nazzjonalista jikkommetti ruħu li l-politika ta’ xeħħa adottata mill-Gvern Laburista tintemm u dan sabiex mill-ġdid ikollna Korp bil-membri tiegħu kburin, b’moral għoli u fuq kollox rispettati.