Lokali Qorti

Indoneżjan iwieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil ta’ konnazzjonali

Raġel mill-Indoneżja wieġeb mhux ħati wara li ġie akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel minn pajjizu wara li allegatament tah daqqiet ta’ sikkina f’rasu. Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak il-Pulizija ressquh akkużat bir-reat ta’ attentat ta’ omiċidju li seħħet waqt ġlieda fil-Fgura l-Ħadd waranofsinhar.

Muhamad Topik Hidayat ta’ 30 sena, li jaħdem bħala assistent ta’ fish farm, li jgħix il-Fgura, tressaq il-Qorti t-Tlieta wara nofsinhar, akkużat bl-attentat ta’ qtil u ġrieħi gravi reali ta’ ċittadin Indoneżjan ieħor. Hidayat kien mixli wkoll li insulenta u heddid lill-vittma u li mar lil hinn mil-limitu ġustifikat tal-provokazzjoni.

L-Avukat Ramon Bonnet Sladden, li nħatar avukat difensur tal-għajnuna legali, talab li l-proċeduri jsiru bil-lingwa Ingliża. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba. Il-Qorti semgħet lill-Ispettur Sarah Zerafa tixhed dwar kif Hidayat, li jirrisjedi Malta legalment, kien involut fi ġlieda bejn żewġ ċittadini Indoneżjani fil-Fgura fit-28 ta’ Novembru.

Uffiċjali fuq il-post sabu demm mċappas mal-ħajt u ma’ l-art. Dawk preżenti ma tantx kienu jitkellmu bl-Ingliż, iżda rriżulta li l-akkużat kien laqat ras il-vittma b’sikkina. Muhamad ġie arrestat u ttieħed fil-lockup. Il-vittma ttieħed l-isptar b’ambulanza u kien fil-periklu li jitlef ħajtu.

Twaqqfet ukoll inkjesta maġisterjali. Waqt l-interrogazzjoni, l-akkużat kien ammetta li laqat lill-vittma waqt argument u dan wara skambju ta’ insulti. Mistoqsi mid-difiża, l-ispettur qal li l-kundizzjoni tal-vittma minn dak iż-żmien tjiebet u m’għadux fil-periklu li jmut.

L-avukat tar-raġel qal li l-klijent tiegħu mhux ħati. Sadanittant il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u l-qorti pproċediet biex tqis l-arrest bħala regolari. F’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja. Hidayat inżamm taħt arrest preventiv. L-avukati George Camilleri u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Eman Hayman u Sarah Kathleen Zerafa mexxew il-prosekuzzjoni.