Lokali

L-MPA tressaq tilwima industrijali fil-konfront tal-Kummissarju Gafà

“L-amministrazzjoni tal-Pulizija mhux taprezza s-sagrifiċċji kollha li jwettqu l-uffiċjali tal-Pulizija fid-distretti…il-moral tagħhom jinsab fil-qiegħ…issa daqshekk, iżżejjed kollu żejjed.”

Hekk sostnew iż-żewġ unjins tal-Pulizija; il-Malta Police Union u l-Police Officers Union  fejn ġie spjegat li taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Angeo Gafà, l-uffiċjali qed iħabbtu wiċċhom ma’ inċertezza u nuqqas ta motivazzjoni enormi li qed taffettwa s-saħħa mentali tagħhom u ta’ familthom.

Dan hekk kif in-nuqqas kbir ta’ riżorsi umani fid-distretti huwa tant li qed iwassal għal battikata kbira sabiex jieħdu sempliċiment id-dritt bażiku ta’ ġurnata leave.

L-MPU sostniet li din is-sitwazzjoni hija riżultat ta’ diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mingħajr ebda konsultazzjoni u insistiet li l-Korp ma jistax jitmexxa biss minn wara bank quddiem kompjuter u għaldaqstant fetħet tilwima industrijali fil-konfront tal-Kummissarju Gafà.

Ġie spjegat li kuljum tkun mifnija b’ilmenti mill-membri tagħha li qed jaħdmu f’kundizzjonijiet deskritti bħala inumani bis-sitwazzjoni tiddegrada ruħha meta l-Amministrazzjoni ħabbret tnaqqis fl-overtime. Għaldaqstant l-uffiċjali, inkluż Surġenti, qed jiġu ordnati biex joqgħodu f’dawk imsejħa fixed points hekk kif m’hemmx biżżejjed uffiċjali biex ikopru kull dmir meħtieġ minnhom fl-ghassess tal-Pulizija.

L-MPU insistiet li d-distretti tal-Pulizija, bħalissa, mhumiex mgħammra biex jieħdu ħsieb inċident maġġuri – għax m’hemmx biżżejjed uffiċjali.

Dan filwaqt, kompliet l-union, li l-qgħadi amministrattivi qed jiżdied bil-kbir.

L-unijin insistiet li l-likes fuq Facebook, li ma jfissru assolutament xejn, spiċċaw saru prijorità għat-tmexxija tal-Korp…minflok l-uffiċjali nfushom.

L-MPU insistiet li sar dannu rreparabbli qalb il-korp b’dan l-aġir iżda għat-tmexxija fid-Depot tidher li kollox għadu business as usual…bil-Gvern jinjora u jabbanduna lill-uffiċjali filwaqt li intqal li għad jasal żmien fejn jonqsu drastikament l-uffiċjali tal-Pulizija.

Intant, il-Police Officers Union saħqet li l-Pulizija tad-distrett jeħtieġu rispett u sostniet li l-istrateġija tal-korp għandha tisma u tara qabel tiddeċiedi.

Għaldaqstant il-POU talbet laqgħa urġenti mal-Kummissarju tal-Pulizija bil-għan li ċertu deċiżjonijiet jiġu riveduti mill-aktar fis.