Lokali Qorti

Protest minn sid ta’ SUV lussuż kontra dealer tal-karozzi

Mara li l-Range Rover ġdida fjamanta tagħha kellha bżonn tiswijiet ripetuti fi żmien xhur mix-xiri tagħha ressqet protest ġudizzjarju, u argumentat li l-bejjiegħ kien qed jipprova jħalli ż-żmien jgħaddi minn fuq il-garanzija tal-karozza lussuża tagħha.

Carmela Bugeja qalet li ilha ġejja u sejhra għand id-dealer tal-karozzi għal tiswijiet f’intervalli ta’ kważi xahrejn, iżda li għadha ma ġietx offruta soluzzjoni effettiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-garanzija tal-vettura. “Kienu sempliċiment biss qed jippruvaw “iraqqgħu l-pannu bil-qara’ aħmar” fuq il-mudell difettuż tar-Range Rover Discovery Sports, sostniet s-sid skuntenta, li kienet qed tħallas “eluf ta ‘euro” għall-karozza ta’ ċertu portata.

Fi protest ġudizzjarju quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili kontra Muscat Motors Limited, l-avukat ta’ Bugeja, Edward Gatt sostna li l-affarijiet kienu qed ikaxkru sakemm tiskadi l-garanzija tal-vettura. Minflok ma josservaw l-obbligi tagħhom f’termini ta’ dik il-garanzija, l-uffiċjali tal-kumpanija kienu qed ifittxu kull skuża possibbli biex jevitaw dawk l-obbligi, sostna l-avukat.

Agħar minn hekk, minflok ma ġiet offruta “soluzzjoni” is-sid ħassitha insultata mill-attitudni “deplorevoli” tal-Management tal-kumpanija, jgħid il-protest. Fid-dawl ta’ ċirkustanzi bħal dawn, Bugeja ressqet l-ilmenti tagħha l-qorti, u talbet lill-kumpanija biex tirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien ġimgħa jew inkella tiffaċċja aktar konsegwenzi legali. L-Avukat Edward Gatt iffirma l-protest ġudizzjarju.