Lokali

Wegħdu ‘nifs ġdid lir-raħħala’, il-fatti juru li għalqu 40 razzett f’4 snin

“Ejjew nieħdu ħsieb il-prodott Malti għax qed nirriskjaw is-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna. Ma nistgħux nibqgħu niddependu kompletament mill-prodott impurtat. Jeħtieġ ngħinu lil min jipproduċi lokalment.”

Dan kien l-appell ġenwin tal-Kelliem Ewlieni Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Charles Azzopardi f’messaġġ lill-istampa li għaddew direttament minn razzett tal-Majjali ġol-Imġarr.

Il-manifest tal-Partit Laburista tal-Aqwa Żmien jgħid li ser jgħin lir-raħħala maltin. ‘Nagħtu nifs ġdid lil dawn l-oqsma’ wegħdu. Sadanittant – mhux talli taw nifs ġdid – talli minn 134 razzett tal-majjali liċenzjat fl-2017 niżlu għal 93 illum.  ‘Aktar minn 40 razzett tal-Majjali fallew taħt gvern laburista’ tenna l-Kelliem Ewlieni Peter Agius.

Dan huwa allarmanti mhux biss għar-raħħal imma fuq kollox għall-konsumatur. Fl-aħħar disa’ snin il-laħam tal-majjal prodott lokalment naqas minn produzzjoni ta 110,000 kilo majjal fil-gimgħa ghal 85,000 kilo fil-ġimgħa – ċioe differenza ta 30% anqas fi produzzjoni. Sadanittant is-sehem tas-suq mill-prodott impurtat dejjem jikber. B’dan il-pass resqin lejn l-eliminazzjoni tal-produzzjoni lokali bir-riskji kollha għas-sigurtá tal-ikel f’pajjiżna li dan iġib miegħu.

Wegħdu wkoll li ser jgħinu lir-raħħal bil-prezz tal-ġwiez. ‘Dan isir permezz ta’ għajnuniet diretti fuq il-ġwież fost l-oħrajn’ jispeċifika l-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Ħames snin wara, ma taw l-ebda għajnuna diretta fuq il-ġwież minkejja li dan għola 30% fl-aħħar sena biss. ‘Għola għar-raba’ darba din il-ġimgħa stess. Sadanittant ir-raħħala kollha Maltin u Għawdxin, dawk li jrabbu tiġieġ, baqar u majjali qegħdin f’xifer falliment. Illum dawn kolla jifhmu li l-wegħda laburista kienet bżar fl-għajnejn’ tenna Charles Azzopardi.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-prodott lokali u diġà ħabbar serje ta’ proposti fosthom li juża l-liġi Ewropea biex tgħin flok biex tirrestrinġi lir-raħħala u l-bdiewa Maltin. Il-PN jimpenja ruħu wkoll li jsir studju serju dwar l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-ġwież u li jgħin direttament f’dawn l-ispejjeż permezz tal-proposta diġà mħabbra ta fond nazzjonali ta’ 40 miljun li jgħin jistabbilixxi ‘level playing field’ għall-industrija lokali.

Il-PN impenjat fuq kollox li jikkumbatti b’saħħa il-frodi fuq l-ikel. Ir-raħħala jiddeskrivu bosta każijiet u ċirkostanzi fejn majjal, tiġieġ u prodotti oħra jinbiegħu bħala Maltin iżda ma jkunux. F’ċerta każijiet hemm allegazzjonijiet serji li laħam friżat ġej mill-asja jinbiegħ bħala prodott frisk u Malti. Din hija sitwazzjoni serja mmens li tirrikjedi intervent mill-Gvern li sa issa jibqa plaċidu u ma jitħarrikx biex jassigura ġustizzja mal-produttur u l-konsumatur Malti.