Lokali

Żewġ tifkiriet – żewġ atti viljakki u faxxisti

Artiklu miġbur mill-eks editur Joe Zahra

F’temp ta’ tlett ijiem qed infakkru żewġ avvenimenti li għamlu għajb lil pajjiżna u wrew bl-iktar mod ċar kif il-Partit Laburista fil-gvern kien imexxi lil pajjiżna b’mod li jipprova joħnoq kull oppożizzjoni. It-28 ta’ Novembru 1983 u t-30 ta’ Novenbru 1986 jfakkruna meta f’tal-ewwel pulizija mingħajr uniformi wettqu attakk viljakk fuq id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn kissru, serqu u beżqu fuq bust ta’ Ġorġ Borg Olivier u tat-tieni meta klikka ta’ nies vjolenti u korrotti ma ħallewx lill-mexxejja u partitarji Nazzjonalisti jidħlu fiż-Żejtun fejn il-Partit Nazzjonalsta kellu l-permessi kollha neċessarji biex jorganizza Mass Meeting.

It-tkissir fid-Dar Ċentrali

It-theddid għad-demokrazija f’pajjiżna dejjem kien element fit-tmexxija ta’ gvernijiet Laburisti. Għalkemm kelli biss 15-il sena niftakar x’kien seħħ fir-referendum dwar l-integration meta l-mexxejja Nazzjonalisti ma kenux jitħallew jagħmlu meetings u konferenzi għaliex kienu jsibu quddiemhom il-qilla ta’ membri tal-Korp tal- Pulizija magħquda ma’ partitarji Laburisti li kienu jitħallew jagħmlu li jridu. Dak li rajt f’dawk ix-xhur saħħaħ ir-rieda tiegħi biex naħdem għall-Partit Nazzjonalista.

Il-ġrajja tat-28 ta’ Novembru 1983 kienet evoluzzjoni ta’ ġrajjiet li kienu qed iseħħu kontinwament minn mindu l-Partit Laburista fl-1981 tilef l-elezzjoni bil-voti iżda bit-tbagħbis fid-distretti rebaħ l-elezzjoni bis-siġġijiet għaliex kien il-Partit Nazzjonalsta li kiseb il-maġġoranza tal-voti. Biex jagħmel tajjeb għat-telfa li ġarrab, il-Partit Laburista ried juri s-saħħa tiegħu bit-terrur. Ma kienx jitef okkażjoni biex juri dan. U biex jgħinuh iwerwer lill-poplu ġab ‘esperti’ mill-Korea ta’ Fuq!
L-attakk fuq id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista kien wieħed fis-sensiela ta’ dawn il-wirjiet tat-terrur.

Pulizija bla uniformi daħlu d-Dar Ċentrali, kissru kulma sabu quddiemhom, serqu, kissru l-emblema tal-Partit Nazzjonalista u minn tieqa tad-Dar Ċentrali esebew l-emblema tal-Partit Laburista. Fl-istess waqt ma ħallewx lil Louis Galea, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit, jidħol fid-Dar Ċentrali u żammew lill-ħaddiema milli jissuktaw bil-ħidma tagħhom. Ħasbu li b’hekk kienu se jwerwru lill-mexxejja u lill-partitarji Nazzjonalisti milli jkomplu jaħdmu favur pajjiżhom.

L-għada tal-attakk ‘In-…Nazzjon’ ħarġet bir-ras “Jekk taħsbu li se twaqqfuna qed jgħarralkom bl-ikrah”. Kliem Eddie Fenech Adami li l-Ħadd ta’ wara dan l-attakk viljakk f’Mass Meeting Fuq il-Fosos tal-Furjana ddikjara quddiem Malta kollha li dak ta’ nhar is-Sibt billejl u li kompla matul il-lejl kollu sa sbieħ il-Ħadd, hu l-aktar att viljakk u faxxista li qatt sar fl-Istorja ta’ pajjiżna.”

Tal-Barrani bħal-lum 35 sena

Il-Laburisti riedu li jagħmlu miż-Żejtun ‘no man’s zone’ għan-Nazzjonalisti. F’tarf is-centre strip ta’ Triq il-Barrani, qabel tidħol għaż-Żejtun, tellgħu arblu twil b’bandera Laburista tperper miegħu. Għalhekk meta l-Partit Nazzjonalista applika għal permess biex jagħmel Mass Meeting iż-Żejtun tathom ferneżija. Bdew jimblukkaw kull daħla għaż-Żejtun. Billi jien miż-Żejtun iżda noqgħod Birżebbuġa bdew iċempluli u jgħiduli fejn imblukkaw. Imblukkaw it-triq min-naħa tat-triq taċ-Ċawsli, imlukkaw it-triq min-naħa ta’ Tas-Silġ. Id-dħul għaż-Żejtun kellu jkun imblukkat b’ħitan tas-sejjieħ mwaqqa’, inġenji f’nofs it-toroq u dak kollu li sabu.

Il-Partit Nazzjonalista quddiem dan kollu ma qatax qalbu. Kellu l-permess u ried li l-Mass Meeting fiż-Żejtun isir. Iżda fl-għolja tat-triq tal-Barrani qabel taqbad it-triq biex tidħol iż-Żejtun kien hemm skjerati partitarji Laburisti, li wħud minnhom stħaw juru wiċċhom, u pulizija biex jagħlqu d-daħla għaż-Żejtun.

Eddie Fenech Adami u Guido de Marco, flimkien ma’ uffiċjali u xi partitarji, kienu fuq trakk fi triqthom lejn iż-Żejtun b’eluf ta’ partitarji Nazzjonalisti warajhom. Niftakar ipparkjajt fit-triq ta’ Ħal Luqa u mort bil-mixi ningħaqad mal-folla kbira li kienet qed takkumpanja t-trakk bil-kap tal-partit fuqu. Fil-mixja tagħna lejn iż-Żejtun ġew feruti diversi partitarji. Uħud minn dawk feruti ddewwew minn tobba li kienu preżenti. Oħrajn ittieħdu d-Dar Ċentrali għall-kura. Hemmhekk ġiet armata speċi ta’ clinic b’tobba u infermiera li ħadu ħsieb il-feruti.

Iż-Żejtun ma rnexxilniex nidħlu iżda għal darb’oħra wrejna lill-Gvern Laburista, li allura kien immexxi minn Karmenu Mifsud Bonnici, li ma konniex nibżgħu mill-qilla antidemokratika tagħhom. F’dik l-okkażjoni Eddie Fenech Adami ma għomodx kliemu. Tenna: “Din hi l-prova li f’dan il-pajjiż mhux il-Gvern qed jikkmanda imma klikka ta’ nies korrotti. Kieku trid, il-Pulizija taf tikkontrollahom, iżda flok tikkontrollahom, il-Pulizija tgħinhom biex ikomplu jfarrku d-demokrazija.”

Dak kien il-pajjiż li konna qed ngħixu fih taħt Gvern Laburista mmexxi l-ewwel minn Mintoff u warajh minn Karmenu Mifsud Bonnici! Iżda r-rieda tal-Partit Nazzjonalista li jiddefendi d-demokrazija jiġri x’jiġri ma xxellfitx. Anzi ngħid li kibret.

Il-Laburisti, biex jibqgħu fil-poter, jagħmlu minn kollox. F’dawk is-sittax-il sena ta’ Gvern ħallew grupp ta’ partitarji jkissru, ifarrku, jheddu u anki waslu biex qatlu partitarju Nazzjonalista, lil Raymond Caruana, li fil-bidu ta’ Diċembru nfakkru l-martirju tiegħu għal-libertà f’pajjiżna.

Id-demokrazija mhix xi ħaġa li għandna nieħdu ‘for granted’. Il-ġenerazzjoni tal-lum ftit taf minn xiex għaddejna. Għalhekk hu tajjeb li nfakkru. Għaliex dak li ġara fl-1956, dak li seħħ bejn l-1981 u l-1987 u dak li qed iseħħ illum – anke jekk b’mod sottili li ma jinkludix dawk l-atti vikjakki u faxxisti – juru bl-iktar mod ċar li l-Laburisti bil-mod jinfatmu mis-siġġu tal-poter. Li hu biss il-Partit Nazzjonalista li joffri garanzija ta’ demokrazija mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti.