Knisja Lokali Mużika

Akkademja Mużikali f’għeluq il-100 sena mill-bidu tal-kult lejn Marija Immakulata fil-Ħamrun

Nhar is-Sibt li ġej 4 ta’ Diċembru fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika u l-100 sena mill-bidu tal-kult lejn Marija Immakulata fil-Ħamrun, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun – AD. 1979 qed torganizza Akkademja Mużikali. Dan il-kunċert mużikali se jkun qed jibda fis-7.30pm u se jkun qed jitella’ fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun.

F’din l-attività ser tispikka l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-inklużjoni ta’ nies b’diżabbilità, bl-Akkademja Mużikali ser tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur il-Maġġur John Ivan Borg u l-assistent Surmast Direttur Mro Anthony Carbonaro.

Għal din l-Akkademja se jkun hemm is-sehem ta’ diversi għaqdiet inkluż is-sehem tal-iscouts tal-Ħamrun.

Din l-attività qed tittella’ bl-għajnuna tas-Segretarjat għas-Sport, Rekreazzjoni u l-Għaqdiet tal-Volontarjat u l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju taħt il-proġett Small Initiative Support Scheme.

Id-dħul għal din l-attività huwa b’xejn.