Lokali Saħħa

Appell lill-President ta’ Malta biex ma jiffirmax il-liġi dwar il-kannabis

Appell lill-President ta’ Malta George Vella sabiex ma jiffirmax il-liġi dwar il-kannabis u jsiru studju u iktar diskussjonijiet “qabel ma nibqgħu għaddejjin romblu bir-riforma”.

Dan l-appell sar mill-Professur Andrew Azzopardi, preżentatur u Dekan tal-Fakulta tat-Tisħiħ tas-Soċjeta’ fl-Universita’ ta’ Malta. F’post fuq Facebook, il-Professur Azzopardi elenka diversi raġunijiet għaliex il-President m’għandux jiffirma din il-liġi.

Dan wara li lbieraħ l-abbozz ta’ liġi għadda mill-Parlament fl-istadju ta’ Kumitat bil-Gvern ma jaċċetta xejn mis-suġġeriment u sottomissjonijiet li saru minn diversi għaqdiet kif ukoll il-Partit Nazzjonalista u baqa’ għaddej romblu.

Il-Professur Azzopardi qal li din il-liġi titratta issue nazzjonali li timmerita kunsens iżda li dwarha m’hemmx qbil u hemm dubji kbar espressi minn diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet edukattivi u mediċi.

Hu tenna li din mhix sempliċi materja ta’ aġġornament legali iżda waħda li tmiss fil-fond nerv morali u fejn diversi għaqdiet, anki governattivi, li jaħdmu ma’ persuni li jbatu mill-vizzju tad-droga juru xettiċiżmu fuq din il-liġi.

Eks-addicts u familji tagħhom wissew kontra din ir-riforma u hemm nuqqas serju ta’ riċerka fuq il-kuntest lokali u nuqqas ta’ studju fuq l-impatt tal-familja.

Andrew Azzopardi fakkar ukoll li m’hemmx pożżizzjoni ċara minn ċertu awtoritajiet fosthom is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHSA) u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Professur Azzopardi hu tal-fehma li huwa moralment doveruż li l-President ta’ Malta jipposponi l-iffirmar ta’ din il-liġi.