Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jesprimu d-diżappunt qawwi tagħhom għall-attitudni li wriet in-naħa tal-Gvern waqt id-diskussjoni tal-bieraħ fi stadju ta’ kumitat dwar il-liġi il-ġdida tal-kannabis.
Minkejja bosta emendi raġonevoli u bilanċjati proposti mill-organizzazzjonijiet, in-naħa tal-Gvern irrifjutat li tikkunsidra dawn is-suġġerimenti u baqgħet tinsisti li tgħaddi qafas regolatorju dgħajjef ħafna li jirriskja li jħalli impatt negattiv kbir fuq is-soċjetà tagħna, speċjalment fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-aktar nies vulnerabbli. Għalhekk, dwar kwistjoni bħal din, nappellaw lill-Prim Ministru biex jippermetti vot ħieles lill-membri parlamentari tal-Gvern biex ikunu jistgħu jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom u mhux skont il-linji tal-partit.
In-naħa tal-Gvern irrifjutat li tikkunsidra l-emendi ssuġġeriti li saru mill-organizzazzjonijiet waqt il-laqgħa tal-kumitat parlamentari biex:
• tiżdied l-età meta t-tipjip tal-kannabis ikun legali minn 18 għal 25 sena;
• tiżdied id-distanza tal-klabbs tal-kannabis minn skejjel, ċentri taż-żgħażagħ u
istituzzjonijiet post-sekondarji minn sempliċi 250 metru għal kilometru;
• jirduppjaw il-multi għat-tipjip tal-kannabis quddiem it-tfal u fil-pubbliku;
• titneħħa l-possibbiltà fil-liġi li l-kannabis titkabbar f’residenzi maġenb l-iskejjel;
• jiġi regolat l-ammont ta’ THC permessibbli fil-kannabis.
Dawn l-emendi kollha ssuġġeriti, li saru sabiex isaħħu l-liġi u jtaffu r-riskji li se tpoġġi fuq is-soċjetà, ma ġewx aċċettati.
Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet għandhom riżervi serji dwar il-mod kif l-awtorità l-ġdida tal-kannabis imwaqqfa bil-liġi se tkun qed twettaq ukoll kampanji edukattivi li jistgħu jinkludu kampanji dwar dak li qed jissejjaħ bħala “l-użu responsabbli tal-kannabis”. Inħossu li l-kampanji edukattivi tal-Gvern dwar il-kannabis m’għandhomx jibagħtu messaġġi mħallta b’dan il-mod u għandhom jiffukaw esklussivament fuq miżuri ta’ prevenzjoni li jispjegaw ir-riskji tal-użu tal-kannabis. Matul id-dibattitu pubbliku fuq din il-liġi, il-Gvern sema’ minn organizzazzjoni waħda biss favur il-kannabis u injora l-ħafna organizzazzjonijiet, korpi kostitwiti, esperti mediċi, professjonisti mill-qasam psikosoċjali, akkademiċi, organizzazzjonijiet b’snin ta’ esperjenza fil-qasam tal-prevenzjoni tad-droga, persuni li fil-passat kienu
dipendenti mid-droga u ħafna oħrajn li lkoll esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar din il-liġi proposta.
F’dan l-istadju tard tad-dibattitu parlamentari, Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja qed jagħmlu appell qawwi lill-kuxjenza tal-membri parlamentari min-naħa tal-Gvern biex jirriflettu fuq ir-riperkussjoni negattiva li din il-liġi tista’ ġġib fuq is-soċjetà tagħna u jivvotaw kontra.